Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jifraħ lis-CDU fil-Ġermanja

Il-Partit Nazzjonalista jifraħ lill-Partit Demokratiku Kristjan fil-Ġermanja mmexxi mill-Kanċillier Angela Merkel wara r-riżultat tal-elezzjoni ġenerali tal-Ġermanja tal-lum. Dan ifisser, li l-Kanċillier Merkel ingħatat il-fiduċja tal-poplu Ġermaniż biex tmexxi l-pajjiż għar-raba’ leġiżlatura konsekuttiva. Il-Kelliemta tal-Partit Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici u David Stellini flimkien mas-Segretarju Internazzjonali Trevor Degiorgio ddeskrivew dan ir-Riżultat bħala wieħed storiku.

Is-CDU, partit membru tal-Partit Popolari Ewropew, ġab l-akbar numru ta’ voti u siġġijiet f’din l-elezzjoni, u mistenni jifforma koalizzjoni ma’ partiti iżgħar biex ikun jista’ jmexxi l-Gvern. Telfa oħra għall-Partit Soċjalista, din id-darba mmexxi minn Martin Schultz.

Fl-ewwel reazzjoni tiegħu, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, filwaqt li awgura lil Angela Merkel, sostna li l-Gvern Ġermaniż għandu jibda jaħdem mill-aktar fis possibli, u jkompli, kif kien qed jagħmel, jieħu d-deċiżjonijiet li għandu jieħu fl-interess mhux biss tal-poplu Ġermaniż, iżda tal-poplu Ewropew kollu.