Lokali

Jean Pierre Debono iċedi s-siġġu fil-Parlament lill-Kap tal-PN Adrian Delia

Il-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia se jkun qed jieħu post id-Deputat Jean Pierre Debono fil-Parlament.

Dan kien żvelat illum mill-gazzetta The Malta Independent on Sunday li tgħid li Jean Pierre Debono ħa din id-deċiżjoni  s-Sibt waranofsinhar wara li talab laqgħa ma’ Adrian Delia.

F’kummenti ma’ The Malta Independent on Sunday Jean Pierre Debono qal li din kienet deċiżjoni  li ħa waħdu mingħajr ma avviċinah ħadd mill-Partit, lanqas il-Kap tal-PN Adrian Delia. Hu kompla li m’hu qed jistenna xejn lura wara li ħa din id-deċiżjoni.

Adrian Delia eventwalment jieħu s-siggu ta’ Jean Pierre Debono jekk il-kandidati tal-Partit Nazzjonalista li ma kinux eletti fl-elezzjoni jikkommettu ruħhom li ma jieħdux is-siġġu jekk ikunu eletti fl-elezzjoni każwali. Fil-fatt, il-kandidati tal-PN fis-7 Distrett, Sam Abela, Antoine Borg, Dounia Borg, Paul Mazzola, David Vassallo u Ian Vassallo, iddikjaraw li mhux se jikkontestaw l-elezzjoni każwali.

F’post fuq Facebook  Jean Pierre Debono qal din kienet l-iktar deċiżjoni diffiċli  li ħa f’ħajtu iżda ħass li din kienet deċiżjoni  kellha tittieħed għall-ġid tal-PN.  “F’dan il-mument ta’ prova għall-PN jeħtieġ li nwarrbu l-ambizzjonijiet tagħna u nħarsu ‘l quddiem biex ningħaqdu ħalli nkunu partit wieħed u oppożizzjoni effettiva għall-pajjiż.” Jean Pierre Debono rringrazzja lill-votanti tas-Seba’ Distrett għall-appoġġ li tawh u tenna l-impenn tiegħu li jibqa’ jaħdem għall-interess tagħhom. Huwa rringrazzja wkoll lill-martu Kristy u lill-familja tiegħu li għenuh jieħu din id-deċiżjoni diffiċli.