Futbol Sport

KAMPJONAT BOV PREMIER – Balzan jagħtu l-ewwel telfa lil Valletta

Stewart Said

Balzan irritornaw għar-rebħ wara nuqqas ta’ tliet logħbiet meta rnexxielhom jegħlbu lil Valletta 2-1, biex taw ukoll l-ewwel telfa tal-kampjonat lit-tim Belti. Il-partita kellha ritmu tajjeb fl-ewwel taqsima, b’Valletta jkollhom aktar l-inizjattiva. Iżda mal-gowl tal-vantaġġ ta’ Balzan fil-bidu tat-tieni taqsima, il-Beltin ma kinux perikolużi u spiċċaw biex ħarġu b’idejhom vojta, f’konfront li wkoll sofrew l-ewwel gowls fil-kampjonat.

Valletta kienu foqra fl-ideat tagħhom fejn ma kellhomx il-moħħ kreattiv li joħloq l-azzjonijiet b’mod kostanti. Balzan kienu aktar kompatti fl-aspett difensiv u bdew joperaw bil-kontrattakki fejn kienu l-aktar perikolużi.

Tliet bidliet sfurzati għal Marco Micovic. Samir Arab beda bħala difensur laterali flok l-imweġġa’ Justin Grioli, filwaqt li s-sospiżi Paul Fenech u Bojan Kaljevic għamlu post għal Milos Lepovic u Alfred Effiong. Il-kowċ Belti Zoran Popovic għamel żewġ bidliet mir-rebħa kontra Sliema. Matteo Piciollo kien inkluż fl-attakk flok Michael Mifsud filwaqt li Jean Borg beda f’nofs il-grawnd flok Claudio Pani. Neqsin ukoll kien hemm Romeu Romao li żdied ma’ Jonathan Caruana u Rowen Muscat.

Balzan fetħu tajjeb u wara biss 47 sekonda ħolqu l-ewwel periklu b’xutt b’saħħtu minbarra l-kaxxa li wassal biex Henry Bonello kellu jdawwar f’korner bi bravura. Valletta wieġbu bil-gowl tal-vantaġġ fil-ħames minuta. Kien xutt ta’ Ibrahim Saleh li kien salvat parzjalment minn Janjusevic, u mir-rebound kien Santiago MALANO li b’xutt preċiż għar-rokna fetaħ l-iskor.

Valletta reġgħu marru qrib fit-13-il minuta b’xutt mid-distanza ta’ Uchenna Umeh li niżel fuq il-lasta. Iżda Balzan irnexxielhom iġibu d-draw fil-21 minuta b’azzjoni ta’ Alex DA PAIXAO ALVES li ħabbat il-ballun ma’ Mendes, għadda qalb id-difensuri Beltin u għeleb lil Henry Bonello.

Il-Beltin kellhom aktar inizjattiva mill-avversarji iżda kienu Balzan li reġgħu kienu perikolużi għaxar minuta wara, b’xutt ta’ Alfred Effiong li għadda ftit għoli minn fuq il-mimduda.

Ftit wara, Valletta kellhom żewġ tentattivi ta’ Piciollo u Saleh li għaddew ftit barra. Valletta perikolużi fil-41 minuta bi kross ta’ Joseph Zerafa mix-xellug li sab lil Ibrahim Saleh li kkonkluda ftit għoli.

Valletta bdew it-tieni taqsima kif spiċċaw l-ewwel waħda u fil-51 minuta marru viċin b’xutt insidjuż ta’ Matteo Piciollo li ġiegħel lil Janjusevic idawwar f’korner. Iżda kienu Balzan li marru fil-vantaġġ erba’ minuti wara. Steve Borg waqqaf parzjalment lil da Paixao Alves, l-istess plejer krossja, b’Ryan Camilleri jbiegħed bir-ras, iżda reġa’ kien Alves li krossja lejn Uros LJUBOMIRAC li b’xutt għar-rokna għeleb lil Henry Bonello.

Valletta ma wettqu l-ebda reazzjoni denja, tant li Balzan marru viċin li jagħlqu l-logħba fid-79 minuta. Kien Alfred Effiong li b’azzjoni personali dar mad-difiża Beltija, b’Henry Bonello jsalva parzjalment. Il-ballun spiċċa għand Carlos Mendes, iżda għal darba oħra kien Bonello li salva fuq il-linja.

L-aħħar sforz ta’ Valletta wasal lejn it-tmiem bi kross ta’ Saleh lejn Asceric, iżda l-konklużjoni tal-attakkant għaddiet barra, filwaqt li fl-aħħar azzjoni x-xutt tas-sostitut Denni Rocha dos Santos għadda għoli.