Stewart Said
Gżira United ikkonfermaw posthom għal ġimgħa oħra bħala l-leaders tal-kampjonat BOV Premier, wara li kisbu l-ħames rebħa minn daqstant logħbiet. Rebħa li wasslet wara li kellhom jirkupraw minn gowl minn taħt, filwaqt li fl-aħħar 20 minuta kellhom isofru l-pressjoni ta’ St. Andrews li baqgħu jissieltu li jsalvaw xi ħaġa mil-logħba.
Għat-tim ta’ Darren Abdilla reġa’ spikka Andrew Cohen li serva diversi blalen filwaqt li kien il-ħolqa bejn nofs il-grawnd u l-attakk. Għal St. Andrews kellu logħba tajba Aidan Friggieri filwaqt li Kevaun Atkinson kien theddida għad-difiża Gżirjana.
Il-kowċ ta’ St. Andrews Marko Glumac għamel tliet bidliet mit-telfa kontra Floriana. Matthew Gauci beda fid-difiża filwaqt li Ricardo Martin u Aidan Friggieri kienu nklużi wkoll mal-ewwel ħdax. Bidla waħda għat-tim ta’ Darren Abdilla, b’Souleymane Diamoutene jibda mill-bidu flok Sem Kamana.
Kienu St. Andrews li ħolqu l-ewwel periklu wara ħames minuti b’xutt djagonali ta’ Kevaun Atkinson li għadda barra. Tmien minuti wara, St. Andrews fetħu l-iskor. Aidan FRIGGIERI rċieva passaġġ tajjeb quddiemu mingħand Ricardo Martin u għeleb lil Anthony Curmi. Żewġ minuti wara, Kyle Butler mar qrib wara li rċieva kross mil-lemin.
Ir-reazzjoni ta’ Gżira għal ftit ma rriżultatx f’gowl fit-22 minuta, meta minn kross mil-lemin ta’ Tounkara, finta ta’ Cohen ġabet lil Samb waħdu, iżda minn quddiem il-lasta xeħet barra. Gżira bdew ikunu aktar perikolużi u meritatament ġabu d-draw fit-33 minuta. Amadou Samb seraq ballun mingħand Matthew Gauci f’nofs il-grawnd, avvanza u baqa’ dieħel fil-kaxxa fejn għażel li jqassam lil Samba TOUNKARA li f’lasta vojta ma żbaljax.
It-tim ta’ Darren Abdilla mar viċin il-gowl tal-vantaġġ fit-42 minuta. Kien free-kick li ħoloq polemika jekk kienx fawl u jekk hux barra jew fil-kaxxa. Il-free-kick ingħata minn Roderick Briffa, b’Matthew Calleja Cremona jsalva parzjalment b’mod stupend, u mir-rebound, ix-xutt ta’ Okoye kien blokkat minn sieħbu Cohen.
Il-Maroons ħarġu tajjeb fit-tieni taqsima u rnexxielhom imorru fil-vantaġġ fil-51 minuta. Kien Andrew Cohen li avvanza tajjeb mix-xellug u qata’ għan-nofs lejn l-iżmarkat Samba Tounkara li minn quddiem Matthew Calleja Cremona ma żbaljax.
L-iskor kompla jikber ħames minuti wara meta ngħataw penalty għal fawl ta’ Matthew Gauci fil-kaxxa fuq Samb. Mill-11-il metru, l-aqwa skorer tal-kampjonat Amadou SAMB ma żbaljax. Il-logħba naqset mir-ritmu tagħha, iżda fil-71 minuta ħadet xejra oħra.
Dan wara li St. Andrews ingħataw penalty għal fawl ta’ Kamana fuq Atkinson. Il-captain Joseph FARRUGIA skorja b’xutt preċiż fil-baxx fir-rokna xellugija tiegħu. Saħansitra żewġ minuti wara huma marru qrib id-draw, b’xutt ta’ Aidan Friggieri li mpenja lil Anthony Curmi li kellu jtir minn tulu biex dawwar f’korner.
St. Andrews żiedu l-pressjoni fuq l-avversarji u l-aktar li resqu qrib kien fil-ħin miżjud bi free-kick ta’ Joseph Farrugia li għadda ftit barra.
//= $special ?>