Lokali

L-Air Malta … il-Gvern imur kontra l-wegħdiet elettorali

Il-ħaddiema tal-kumpanija nazzjonali tal-ajru l-Air Malta huma aktar inkwetati u mħassba dwar il-ġejjieni tagħhom hekk kif il-Ministru Konrad Mizzi għal darba, darbtejn heddidhom li jew joqogħdu għal dak li jiddeċiedi hu jew inkella lest li jagħlaq il-kumpanija, ikeċċi lill-ħaddiema u wara jerġa’ jwaqqaf kumpanija oħra tal-ajru.

Din it-theddida tal-Ministru Konrad Mizzi qed tkun ripetuta minkejja b’dak li stqarr qatt ma ssemma fil-Programm Elettorali tal-Partit Laburista. Sa qabel l-Elezzjoni Ġenerali ta’ Ġunju li għadda l-Gvern għamel kulma seta’ biex jaħbi l-problemi veri tal-Air Malta u l-Ministru responsabbli mill-kumpanija – dakinhar Edward Zammit Lewis – saħansitra kien jagħmel minn kollox biex jevita l-kuntatt dirett mal-ħaddiema.

Il-ħaddiema ma jistgħux jifhmu t-theddid tal-Ministru Konrad Mizzi

Ħaddiema tal-Air Malta li tkellmu ma’ il-mument fissru li llum jiddispjaċihom għall-mewt li fdaw lil Joseph Muscat hekk kif issa l-futur tagħhom jinsab f’inċertezza kbira.

Huma żiedu li bl-ebda mod ma jistgħu jifhmu kif il-Ministru Konrad Mizzi qiegħed jhedded li jekk il-ħaddiema tal-Air Malta u r-rappreżentanti tagħhom, ma jifmhux il-ħtieġa li jikkoperaw mal-kumpanija fl-isforzi tagħha biex tqum fuq saqajha, allura “l-Gvern ma jkollux għażla oħra ħlief li jagħlaq l-Air Malta u jerġa’ jiftaħ kumpanija oħra bi staff ġdid”.

Il-Ministru Konrad Mizzi mhux talli ma ċaħadx l-ewwel dikjarazzjoni li għamel hekk kif kien irrappurtat minn sit elettroniku tal-aħbarijiet, iżda ftit tal-jiem wara –  din il-ġimgħa stess – reġa’ tenna l-istess theddida. Dak li qal Konrad Mizzi dwar il-futur tal-Air Malta kien fl-isfond ta’ taqlib industrijali fejn il-Union tal-Cabin Crew qed tikkonsidra azzjonijiet industrijali minħabba kwistjonijiet marbutin mar-roster, it-tkeċċija ta’ xi ħaddiema part-time kif ukoll żidiet fil-pagi.

Il-Ministru Mizzi qal hekk: “Il-kuntest li għamiltha fiha kien li jekk naslu f’sitwazzjoni fejn il-kumpanija tkun insolvent, il-Gvern ma jkollux għażla ħlief li jkollu Pjan B f’postu.” Hu żied li mill-piloti qed jistenna ħinijiet itwal ta’ titjiriet u bidla fil-prattiċi tax-xogħol għall-cabin crew. Iżda minkejja theddida mill-unions rispettivi li jwaqqfu l-operat frott in-nuqqas ta’ qbil dwar dak offrut, il-Ministru Mizzi għalaq kull lok għal diskussjoni. “Dak li offrejna hu l-massimu li nistgħu noffru,” għamilha ċara Konrad Mizzi.

Fi żvilupp ieħor tat-tħassib għall-ħaddiema tal-Air Malta u l-familji tagħhom, il-Ministru Konrad Mizzi ħabbar li l-linja nazzjonali tal-ajru Air Malta fil-ġimgħat li ġejjin se tnaqqas il-ħaddiema tagħha b’madwar 460 biex b’hekk tinżel għal 600 ħaddiem. Sa qabel l-Elezzjoni Ġenerali li għaddiet Ministri tal-Kabinett Laburista kienu komplew idaħħlu jaħdmu mal-Air Malta għadd ta’  ħaddiema fuq bażi full-time.

Din il-ġimgħa, il-Ministru Konrad Mizzi qal li diversi servizzi li s’issa kienet toffri l-Air Malta, inkluż is-servizz tar-rampa u l-ground u luggage handling mhux se jibqgħu offruti mill-kumpanija iżda jgħaddu f’idejn kumpanija oħra. Dwar il-ħaddiema tar-rampa u l-ground u luggage handling, il-ħaddiema tal-Air Malta li tkellmu ma’ il-mument fissru li huma mhux biss ma jafu uffiċjalment xejn għaliex ħadd ma ddiskuta magħhom, iżda talli anqas il-General Workers’ Union ma qatt laqqgħethom biex tiddiskuti magħhom dawn il-pjani tal-Gvern. F’dan is-sens ukoll li l-ħaddiema membri tal-General Workers’ Union huma mgħaddba wkoll għall-istess Union li suppost tirrappreżentahom.

L-Oppożizzjoni tgħid li t-theddid mhuwiex is-soluzzjoni

Il-gazzetta il-mument ħadet il-kummenti ta’ Robert Arrigo, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar it-Turiżmu. Hu esprima solidarjetà mal-ħaddiema tal-Air Malta li spiċċaw vittmi ta’ theddid bla preċedent mill-Ministru tat-Turiżmu Konrad Mizzi.

Robert Arrigo qal li Ministru hedded li jekk il-ħaddiema ma joqgħdux għal dak li jiddeċiedi hu, jagħlaq l-Air Malta – hi ta’ tħassib serju u li għandha tinkwieta mhux ftit lill-ħaddiema tal-Air Malta u l-familji tagħhom.

Din it-tip ta’ dikjarazzjoni hi ta’ xokk għal kulħadd, speċjalment meta wieħed jiftakar li sa ftit tal-ġimgħat ilu, il-Gvern kien qed jiftaħar li għaddej b’negozjati tajbin mar-rappreżentanti tal-ħaddiema. Għalhekk illum wieħed ma jistax ma jsaqsix: id-diskors ta’ qabel l-elezzjoni kien kollu fieragħ, u l-wegħdiet li saru mill-Partit Laburista kien biss kliem?

Hu qal li l-PN jinsisti li l-Air Malta għandu jkollha futur sostenibbli b’direzzjoni li ma tħarisx l-Air Malta bħala entità kummerċjali għaliha, iżda f’kuntest usa li jirrifletti r-rwol li l-Air Malta kellha u għad għandha fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali, partikolarment, iżda mhux biss, it-turiżmu.

Hu kompla li l-PN dejjem kien u dejjem jibqa’ jkun ċar mal-ħaddiema. “It-theddid mhuwiex fl-istil tal-PN. Il-ħaddiema tal-Air Malta – b’mod partikolari dawk tal-ground handling – fil-jiem li għaddew qamu b’ħasda hekk kif saru jafu mill-midja li mhux se jibqgħu ħaddiema mal-linja nazzjonali tal-ajru, iżda se jiġu trasferiti għal kumpanija oħra privata. Dan hu xokk għal dawn il-ħaddiema hekk kif sa ftit ġranet ilu, l-Gvern Laburista baqa’ jassigura futur għalihom, mingħajr qatt ma tahom l-impressjoni li se jkunu qed jitkeċċew minn mal-Air Malta. Anzi, bil-kontra. Sa qabel l-Elezzjoni, il-Partit Laburista beda jivvinta li Gvern Nazzjonalista kien se jagħlaq il-linja nazzjonali tal-ajru. Issa, jirriżulta li hu l-Partit Laburista li jidher li mar f’din id-direzzjoni, bi tradiment ċar mal-ħaddiema u l-familji tagħhom.

Robert Arrigo temm li l-PN se jibqa’ jkun it-tarka tal-ħaddiema kollha, inkluż dawk tal-Air Malta, u jinsisti li l-Gvern, minnufih, jippubblika d-dettalji kollha ta’ dak li tħabbar – inkluż l-iskadenza ta’ dan il-ftehim,  u ma jkomplix iżid l-inċertezza għall-ħaddiema u l-familji tagħhom.