Il-maratona ta’ Puttinu għandha tibgħat messaġġ ta’ kuraġġ u tama. Qal dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta l-Ħadd waranofsinhar żar il-maratona ta’ 60 siegħa futbol b’risq Puttinu.
Il-maratona bdiet il-ġimgħa, b’kick-off ta’ Yandrick Cassar, żagħżugħ li sa ftit ilu kien ibati mill-marda tal-kanċer, u li llum, grazzi għal Puttinu, fieq għal kollox.
Qabel ma preżenta donazzjoni f’isem il-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia ltaqa’ ma’ Adriana, ċkejkna li wkoll kellha tħabbat wiċċha mal-marda tal-kanċer. Quddiem Adriana u ommha Claudine, Adrian Delia qal li bl-attitudni tagħha, iċ-ċkejkna Adriana twassal messaġġ ta’ kuraġġ u tama.
Żied li rridu naraw kif minkejja l-ġenerożita’ fiċ-ċokon tagħna bħala individwi, is-soċjetà għandha timmira għal politika li tħobb il-ġenerożità soċjali, għax fl-għajnuna lil min għandu bżonn, ma jidħlux il-kuluri tal-politika.
Wara li ppreżenta d-donazzjoni, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kellu l-opportunità jiltaqa’ mhux biss ma’ diversi persuni li għaddew minn esperjenzi ta’ tbatija u sfidi, iżda li jiltaqa’ wkoll ma’ ħaddiema tekniċi u għexieren ta’ voluntiera li għal dawn l-aħħar sittin siegħa taw is-sehem tagħhom fil-maratona annwali ta’ Puttinu.
Fil-Marsa Sports Grounds, ittellgħet il-maratona ta’ Puttinu, Adrian Delia kien akkumpanjat mill-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali Clyde Puli.
Puttinu jgħin lil dawk il-Maltin li jkollhom bżonn isiefru barra minn Malta għall-kura. Għalkemm Puttinu diġa għandha appartamenti f’Sutton, l-Ingilterra, it-tir hu li jinbnew appartamenti ġodda aktar qrib iċ-ċentru ta’ Londra, għal dawk il-Maltin li jkollhom bżonn saqaf fuq rashom f’Londra waqt żmien ta’ tbatija.
//= $special ?>