Lokali

PICK-POCKETING: Rumeni fi ċrieki organizzati jimmiraw serq mingħand persuni vulnerabbli jew aljenati

Ritratti minn filmat li juri Rumen jisraq telefon ċellulari minn fuq bank ta' ħanut tax-xorb
Tippersisti l-mewġa ta' każijiet ta' pick-pocketing f'żoni turistiċi

Il-Pulizija qed tkompli tirċievi aktar rapporti dwar każi ta’ pick-pocketing, l-aħħar fosthom ta’ Rumen li seraq apparat elettroniku minn ħanut f’San Pawl il-Baħar. Din il-mewġa ta’ pick-pocketing qed tirriżulta lill-Pulizija li ġejja minn għadd ta’ Rumeni li huma organizzati fi ċrieki ta’ kriminalità organizzata u mifruxa f’zoni turistiċi fil-pajjiż.

Daniel Gheorghe State ta’ 28 sena li kien qiegħed joqgħod f’lukanda f’Buġbba nqabad jisraq telefon ċellulari ta’ tfajla li ħallietu fuq bank ta’ ħanut tax-xorb. Jidher lit-tfajla kienet għal xi mumenti aljenata meta dan ir-Rumen qabad it-telefon ċellulari minn fejn kien, tefgħu fil-but u telaq ’il barra mill-istess ħanut tax-xorb.

1,469 Rapporti lill-Pulizija fl-2013

2,447 Rapporti lill-Pulizija fl-2016

Kien grazzi għas-sistema tas-CCTV li kien hemm fil-ħanut li dan kollu sar magħruf u nkixef ukoll il-wiċċ tar-Rumen biex hekk il-Pulizija tad-Distrett u dawk tad-Dipartiment Investigazzjonijiet Kriminali (DIK) setgħu jibdew minnufih kaċċa għal dan ir-Rumen. Dawn l-isforzi kienu ppremjati għaliex ir-Rumen inqabad ftit wara u l-għada tressaq il-Qorti mill-Ispettur Godwin Scerri u kien akkużat b’għadd ta’ kapi ta’ akkuża.

Dan il-każ reċenti kien isegwi każi oħrajn f’dawn il-jiem stess, fosthom dak ta’ żewġ Rumeni oħra li wkoll għenu lill-Pulizija dwar ċirku ta’ Rumeni li qed jinfirex f’zoni turistiċi bl-iskop preċiż li jisraq lit-turisti u lil persuni oħrajn aljenati jew vulnerabbli.

Dan il-każ tipiku seħħ xi jiem qabel fl-inħawi tal-Mosta – qrib il-Knisja tar-Rotunda – meta kien hemm tliet persuni Rumeni jitħalltu man-nies, l-aktar mat-turisti li jittieħdu jaraw dan it-Tempju maestuż u bi storja kif ukoll il-pjazza tal-Mosta.

Kien innotat li dawn ir-Rumeni kienu qed iduru man-nies u jaħtfu kull okkażjoni li tiġihom biex jisirqu mill-bwiet tan-nies jew minn hand-bags. Inċidentalment Pulizija li kienu fl-inħawi għokrithom għajnhom u segwew diskretament dak li kienu qed jagħmlu dawn ir-Rumeni u meta s-suspett tagħhom avvera ruħu, il-Pulizija ddeċidiet li tattakka lill-ħallelin.

Fil-fatt il-Pulizija rnexxielhom jarrestaw tnejn mit-tliet Rumeni li ttieħdu fl-Għassa tal-Pulizija tal-Mosta sakemm fil-post issejħu aktar taqsimiet tal-Pulizija li ħadu lill-ħallelin lejn il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Floriana għal aktar investigazzjonijiet.

Ion Balan ta’ 59 sena u Costantin Teodirescu ta’ 67 sena – Rumeni residenti f’San Ġiljan, l-għada tar-reat tressqu l-Qorti u ntbagħtu l-ħabs mill-Qorti wara li  kienu ġew akkużati b’serq mill-inħawi tal-Knisja tar-Rotunda tal-Mosta.

Intant ilbieraħ żewġ persuni ġew arrestati mill-Pulizija wara li nqabdu jisirqu minn fuq bus-stop. Il-każ seħħ nhar il-Ġimgħa fl-10am meta żewġ persuni qanqlu suspett lill-Pulizija, wara li dehru jindiesu ma’ għadd ta’ turisti u Maltin fuq il-bus-stop fi Triq it-Torri, tas-Sliema. Wieħed minn dawn il-persuni deher bħala spotter, filwaqt li l-ieħor deher jisraq kartiera minn but ta’ turist li kien tiela’ fuq il-karozza tal-linja. Il-Pulizija intervjeniet minnufih u arrestat liż-żewġ persuni.

Wieħed mill-irġiel, Rumen 35 sena, huwa reċediv fuq l-istess reat ta’ pick-pocketing fil-Ġermanja, l-Olanda u fl-Iżvizzera u għandu mandat ta’ arrest fuq reati simili. Ir-Rumen l-ieħor, ta’ 41 sena, ukoll hu magħruf mal-Pulizija Ċeka fuq akkużi ta’ dokumenti foloz. Iż-żewġ persuni mistennija jitressqu l-Qorti fis-sigħat li ġejjien.

Dan kollu wara rapporti ta’ pick-pocketing f’diversi postijiet madwar tas-Sliema u San Ġiljan, partikolarment minn fuq it-trasport pubbliku u minn bus stops iffrekwentati minn għadd ta’ turisti u Maltin. Sadanittant il-Pulizija qed tissokta b’aktar investigazzjonijiet u rondi f’postijiet frekwentati minn bosta sabiex iżżomm għajn viġili għal aktar reati ta’ din ix-xorta.

Reat li sar ħafna komuni

Sorsi li tkellmu ma’ il-mument qalu li bħalissa hawn għadd ta’ Rumeni li jispeċjalizzaw fil-pick pocketing u dan qed jagħmluh billi jinfiltraw f’zoni turistiċi – pjazez, toroq u bajjiet – u kif jaraw persuni aljenati li jkollhom oġġetti disponibbli għas-serq, allura dawn b’ħeffa u bl-aktar mod fin jisirqulhom l-oġġetti li jkollhom.

Bosta drabi l-pick-pocketing jikkonċerna s-serq ta’ portmonijiet, hand-bags u wallets kemm tal-irġiel kif ukoll tan-nisa.

Matul is-sena l-oħra biss lill-Pulizija sarula mal-2,500 rapport minn persuni li kienu sfaw vittma ta’ pick-pocketing. Dan ir-reat jidher li sar aktar popolari fl-aħħar snin tant li ċ-ċifra ta’ pick-pocketing is-sena l-oħra kienet għoxrin fil-mija aktar mis-sena ta’ qabel.

Bosta drabi qed jirriżulta li moħbija wara dawn ir-reati hemm Rumeni li proprju jiġu speċifikament f’pajjiżna biex iwettqu tali reati.

Minn stħarriġ li għamel il-mument jirriżulta li mill-2013 f’Malta u Għawdex kienu rrappurtati mas-36,000 każ ta’ serqa. Minn dawn kien hemm 7,614-il każ ta’ pick-pocketing.

Minn informazzjoni li ngħatat fil-Parlament mill-Ministru Michael Farrugia għall-Mistoqsija Parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Clyde Puli, irriżulta li l-każi ta’ pick-pocketing qed jiżdiedu. Fil-fatt jirriżulta li l-aktar każi rrappurtati kienu dawk ta’ pick-pocketing.

Tabella preżentata fil-Parlament turi li l-każi qed jiżdiedu kull sena. Fl-2013 kienu rrappurtati 1,469 każ u s-sena li għaddiet dawn telgħu għal 2,447.

Sadattant jirriżulta wkoll lis-serq minn ġo vetturi sar it-tieni l-aktar irrappurtat. Is-serq mill-karozzi kien l-aktar popolari wara l-pick-pocketing. B’kollox kienu rrappurtati 4,343 każ. Barra minn hekk b’kollox, mill-2013 ‘l hawn, kien hemm 2,389 każ ta’ serq minn residenzi.

Wara dawn, l-aktar każi rrappurtati kienu jinkludu serq minn residenzi, serq ta’ affarijiet personali ta’ turisti fil-lukandi u serq minn fuq il-bajjiet u l-ħwienet.