Futbol Sport

SERIE A – Milan megħluba f’Genova u Inter lura għar-rebħ

Zapata jiftaħ l-iskor għal Sampdoria

Fl-ewwel logħba tal-ġurnata Milan tilfu 2-0 barra minn darhom kontra Sampdoria.

Ir-rebħa li kisbu Sampdoria kienet waħda meritata hekk kif Milan bilkemm impenjaw lill-gowlkiper avversarju. Għal Milan din kienet it-tieni telfa tal-istaġun.

Kien fit-72 minuta logħob meta Sampdoria fetħu l-iskor. Dan meta Cristian Zapata ta’ Milan għamel żball u kien pront japprofitta minnu l-kuġin tiegħu Duvan ZAPATA li kkontrolla l-ballun b’sidru u għeleb lill-gowlkiper għal 1-0.

Kollox kompla ġej ħażin għal Milan meta ALVAREZ, li kien għadu kemm daħal bħala sostitut u skurja bi ġmiel ta’ xutt wara li rċieva mingħand Zapata li kien għadu kemm jiskurja.

L-aħħar darba li Milan tilfu f’Genova kien f’April tal-2010.

Wara li matul il-ġimgħa li għaddiet waqqgħu l-ewwel punti bi draw kontra Bologna, ilbieraħ Inter irritornaw għar-rebħ meta għelbu lil Genoa 1-0 f’San Siro.

Il-wirja ta’ Genoa kienet waħda pożittiva u l-gowlkiper ta’ Inter Handanovic għamel diversi saves. Madankollu kienu Inter l-aktar li marru viċin li jiskurjaw meta fl-ewwel taqsima Brozovic laqat il-lasta sakemm tliet minuti mit-tmiem D’AMBOROSIO skurja l-uniku gowl tal-logħba b’daqqa ta’ ras.

Ta’ min jinnota li Genoa spiċċaw jilagħbu b’disa’ plejers wara li tkeċċew Omeonga u Taarabt.
Lazio, minkejja li kellhom diversi plejers neqsin minħabba injury, ftit tħabtu biex rebħu 3-0 barra minn darhom kontra Verona.

Grazzi għal din ir-rebħa Lazio rkupraw ukoll mit-telfa li sofrew ftit jiem qabel kontra Napoli. L-eroj tal-logħba kien l-attakkant Taljan IMMOBILE li skurja doppjetta, wieħed minn penalty u ieħor minn tarf il-kaxxa.

Mas-siegħa logħob l-istess Immobile provda lil MARUSIC b’ballun tajjeb biex dan skurja l-ewwel gowl tiegħu fis-Serie A.

Crotone kisbu l-ewwel rebħa u skurjaw l-ewwel gowls tagħhom f’dan il-kampjonat hekk kif għelbu lil Benevento 2-0. Dawn tal-aħħar baqgħu fl-aħħar tal-klassifika b’din it-telfa.

Intant Juventus ħabbru li Benedikt Howedes se jdum barra madwar erba’ ġimgħat minħabba li weġġa’ waqt sessjoni ta’ taħriġ.