Sorin Pletosu u Ghete Valerian Gavril, żewġ irġiel Rumeni ta’ 35 u 41 sena rispettivament, tressqu b’arrest quddiem il-Qorti akkużati li pprovaw jisirqu turist li kien tiela’ fuq karozza tal-linja.
L-attentat ta’ serqa seħħ il-Ġimgħa fi Triq it-Torri f’Tas-Sliema. Il-Pulizija kienu qed isegwu liż-żewġ Rumeni u arrestawhom fuq il-post. Quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea, Pletosu waħdu kien akkużat ukoll li kien reċidiv b’diversi sentenzi mogħtija minn qrati fil-Ġermanja, l-Iżvizzera u l-Olanda.
Iż-żewġt irġiel wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom.
Il-Prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur Mark Mercieca, oġġezzjonat għat-talba għall-ħelsien mill-arrest għaliex l-akkużati huma parti minn grupp kriminali li m’għandhomx indirizz fiss f’Malta u kienu immedjatament jaħarbu mill-pajjiż kif jingħataw il-liberta’ proviżorja.
Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-liberta’ proviżorja u ż-żewġ Rumeni inżammu arrestati.
//= $special ?>

