56,000 student it-Tnejn filghodu rritornaw lura fuq il-bankijiet tal-iskola fil-bidu ta’ sena skolastika ġdida. Magħhom dahlu lura ghax-xoghol aktar minn 9,600 edukatur fil-proċess edukattiv ta’ dawn l-istudenti.
Kmieni dalgħodu żorna diversi skejjel, fosthom l-Iskola Primarja A ta’ Raħal il-Ġdid fejn it-tfal dehru entużjasti li qed jirritornaw lura ma’ sħabhom wara 3 xhur vaganzi għal 9 xhur ta’ tagħlim. NET News staqsa lit-tfal dwar dak li jistennew issa li rritornaw lejn l-iskola.
Iktar tard ingħaqadna mal-ewwel lezzjoni ta’ waħda mill-klassijiet tal-Iskola Primarja ta’ San Ġwann fejn it-tfal qasmu magħna kif qattaw il-btajjel tas-sajf u fuq ir-ritorn tagħhom lejn l-iskola.
U l-ftuħ tas-sena skolastika ġġib magħha sfidi fosthom l-isfida biex wiehed iwassal lit-tfal l-iskola fil-ħin jew biex wieħed ma jasalx tard għax-xogħol. Għalhekk, illum żdied ukoll it-traffiku minn kmieni filgħodu. Filwaqt li wħud qalu li t-traffiku kien mexxej u li stennewh agħar minn hekk, oħrajn li wżaw iż-żona tal-Kappara u żoni oħra fiċ-ċentru ta’ Malta lmentaw minn traffiku qawwi.