Aġġornata bi stqarrija tal-Partit Nazzjonalista
Wara tliet snin ta’ insistenza mill-Oppożizzjoni, il-Gvern preżenta abbozz ta’ liġi dwar Kumitat Parlamentari ġdid li se jkollu l-irwol li jagħmel skrutinju ta’ numru ta’ ħatriet pubbliċi.
L-abbozz ġie preżentat mill-Ministru Owen Bonnici, tliet snin wara l-ewwel darba li l-Partit Nazzjonalista għamel din il-proposta. Madanakollu, il-Kumitat Parlamentari kif propost mill-Gvern ma jinkludix il-possibiltà li jkun hemm skrutinju fuq l-għażla tal-Kummissarju tal-Pulizija u tal-Avukat Ġeneral.
F’konferenza tal-aħbarijiet li matulha ngħataw dettalji dwar dan l-abbozz ta’ liġi, intqal li l-idea hi li jkun hemm Kumitat Parlamentari b’ħames membri – li tlieta minnhom ikunu tal-Gvern filwaqt li t-tnejn l-oħra jkunu tal-Oppożizzjoni.
Fost l-uffiċjali pubbliċi li se jkunu qed jgħaddu quddiem dan il-Kumitat hemm iċ-chairpersons tal-MFSA, ta’ Transport Malta, tal-Awtorità tal-Ippjanar u tal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi. Xogħol dan il-Kumitat Parlamentari mhux se jkun li japprova l-ħatriet – iżda biss li jagħmel skrutinju. Dan peress li d-deċiżjoni finali xorta waħda se tkun tal-Gvern, irrispettivament mill-eżitu ta’ dan il-Kumitat.
Skont l-abbozz ta’ liġi li se jiġi preżentat fil-Parlament, l-iskrutinju jsir billi tingħata possibiltà lill-membri tal-Kumitat li jagħmlu numru ta’ mistoqsijiet lill-persuna maħtura għall-pożizzjoni pubblika.
Jirriżulta wkoll, skont dak li qed jiġi propost mill-Gvern, li l-mistoqsijiet u t-tweġibiet magħmula bħala parti mill-iskrutinju, jistgħu jinżammu sigrieti u mhux aċċessibbli għall-pubbliku. Dwar dan, waqt il-konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru Owen Bonnici ammetta li l-Kumitat se jkollu l-poter li jiddeċiedi li ċertu informazzjoni ma tkunx ippubblikata, iżda qal li l-Gvern m’għandux l-intenzjoni li jagħmel dan.
Dwar l-abbozz ta’ liġi li jitwaqqaf dan il-Kumitat Parlamentari biex jagħmel skrutinju fuq ċertu ħatriet pubbliċi, il-Partit Nazzjonalista qal li dan huwa pass tajjeb, iżda qed isir tliet snin tard peress li l-Gvern dejjem baqa’ jwebbes rasu.
L-istqarrija żżid li filwaqt li tfaħħar dan il-pass, il-Gvern Laburista qatta’ l-ħames snin li għaddew jagħmel ħatriet skandalużi ispirati biss mil-lealtà tagħhom lejn il-Partit Laburista flok il-kapaċità tagħhom. U dan b’detriment għal persuni oħrajn li huma ferm aktar kwalifikati.
L-Oppożizzjoni Nazzjonalista ħabbret li se tkun qed tieħu sehem f’dan il-Kumitat Parlamentari biex tassigura li l-ħatriet pubbliċi jsiru skont il-mertu u mhux skont it-twemmin politiku Madanakollu, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista mhix se titħalla li tkun parteċipi f’Kumitat li jservi biss bħala paraventu għal deċiżjonijiet li jkunu diġà ttieħdu fil-magħluq.
//= $special ?>