Lokali

FILMAT: Deputati tal-Gvern b’verżjonijiet differenti dwar jekk għandhomx jingħataw ‘free-vote’ fuq affarijiet ta’ moralità

Filwaqt li l-Oppożizzjoni ikkommettiet ruħha li tagħti 'free-vote' lid-Deputati tagħha f’affarijiet fejn tidħol il-moralità, mhux l-istess jista’ jingħad għad-Deputati tal-Gvern, hekk kif dawn għandhom verżjonijiet differenti dwar jekk il-Prim Ministru għandux jagħtihom ‘free-vote’.

Deputati tal-Gvern għandhom verżjonijiet differenti dwar jekk il-Prim Ministru Joseph Muscat għandux itihom ‘free-vote’ fuq affarijiet fejn tidħol il-moralità.

Fil-jiem li għaddew, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia appella biex il-partiti politiċi jneħħu l-kuluri politiċi tal-blu, l-aħmar, l-aħdar u l-oranġjo minn dawk id-diskussjonijiet ta’ moralità, u l-mod kif dan isir huwa billi d-Deputati Parlamentari ikollhom ‘free-vote’ biex ikunu jistgħu jivvutaw skont il-kuxjenza.

Imma minkejja l-appell u l-istedina tal-Oppożizzjoni, il-Prim Ministru Joseph Muscat għadu b’fommu magħluq dwar il-pożizzjoni tiegħu, bid-Deputati tiegħu jinqabdu fuq sieq waħda, u lkoll b’verżjonijiet differenti dwar jekk jaqblux mal-free-vote jew le (ara l-filmat hawn taħt).

Meta mistoqsi dwar voti fuq affarijiet ta’ moralità, is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima għamilha ċara li ma jaqbilx ma’ ‘free-vote’. “Nemmen li jekk inqisu lil kull wieħed u waħda minnha bħala ugwali, naħseb illi hemmek, b’konvinzjoni, għandna mmorru għal vot b’mod magħqud,” qal is-Segretarju Parlamentari fir-risposta tiegħu.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Owen Bonnici, tant kemm mhux ċert mill-pożizzjoni tal-Gvern, li ammetta li r-risposta għall-mistoqsija hija “parti iva u parti le”. “Ir-risposta tiegħi mhijiex iva jew le, imma parti iva u parti le. Jiġifieri dak li huwa fil-programm elettorali, dak fil-fehma tiegħi, Deputat għandu obbligu li jimplimentah, u dak li mhuwiex fil-programm elettorali, iva, għaliex le, għaliex m’għandux ikun hemm diskussjoni miftuħa?” qal il-Ministru Owen Bonnici. “Wara, il-Grupp Parlamentari jieħu l-pożizzjoni tiegħu jiddependi skont id-diskussjoni li jkun hemm,” żied jgħid.

Il-Ministru Evarist Bartolo wkoll tkellem fuq diskussjoni wiegħsa, imma biex jgħid li ‘free-vote’ fuq affarijiet ta’ moralità mhuwiex ‘worth it’. “Il-prattika li biha ħdimna fl-aħħar snin kienet li jkollna diskussjoni estensiva ħafna ħafna ħafna fil-Grupp Parlamentari fuq dawn l-issues. U jiena naħseb li dik hija aktar worth it, għax meta sempliċiment titlaq bil-‘free vote’, ifisser li inti għandek il-pożizzjoni tiegħek u jien għandi l-pożizzjoni tiegħi,” qal Evarist Bartolo. “Ħafna drabi meta jkun hemm il-ħruġ ta’ emerġenza tal-‘free vote’, l-anqas hemm għalfejn niddiskutu,” żied jgħid.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Ian Borg għażel li jinjora għal kollox il-mistoqsija, u minflok tkellem fuq il-ħolm tal-Gvern qabel telaq minn fuq il-post. “Il-Partit Laburista mill-Gvern ikompli mhux biss joħlom fuq drittijiet ċivili, mhux biss joħlom fuq il-ħajja li jridu l-Maltin, imma jimplimenta u jirrealizza kif għamilna fl-aħħar snin,” qal Ian Borg qabel telaq minn fuq il-post.

Filwaqt li l-Ministri u d-Deputati tal-Gvern skomdi jgħidu b’mod ċar jaqblux fuq ‘free-vote’ f’affarijiet ta’ moralità, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ċara dwar il-pożizzjoni tagħha, bil-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia jagħmel l-istess stedina lill-Gvern, filwaqt li jistieden lill-Prim Ministru jgħid jekk hux lest li jagħmel l-istess.

Madanakollu, fl-isfond ta’ dan kollu, Joseph Muscat għadu sieket dwar jekk hux se jagħti ‘free-vote’ lid-Deputati tiegħu f’affarijiet ta’ moralità.