Il-President Amerikan Donald Trump għamel theddid ġdid kontra l-Korea ta’ Fuq. Dan b’reazzjoni għad-diskors li għamel il-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Korea ta’ Fuq quddiem l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.
Il-Ministru Korean, Ri Yong-ho s-Sibt deskriva lil Trump bħala persuna miġnuna fuq “missjoni suwiċida”. Il-President wieġeb billi qal li Ri u l-mexxej Korean Kim Jong-un ma kienux se jkunu fis-saqajn wisq aktar jekk ikomplu b’diskors simili.
Dan l-iskambju sar hekk kif l-Istati Uniti reġgħet bagħat bombers tat-tip B-1B Lancer jagħmlu titjira tul il-peninsola Koreana. Bombers li telqu mill-gżira Amerikana ta’ Guam u li huma kapċi jġorru arma nukleari. Il-gżira ta’ Guam spiss kienet fil-mira ta’ theddid mir-reġim ta’ Pyongyang.
Fuq din it-titjira, l-ajruplani Amerikani taru qrib il-kosta fil-Lvant tal-Korea ta’ Fuq. Il-Pentagon qal li dan sar bħala turija tal-għażliet militari li l-Istati Uniti għandha quddiema fil-konfront ta’ kwalunkwe theddida.
Għalkemm saru titjiriet simili fil-passat, din l-aħħar titjira kienet l-aktar lilien mill-fruntiera tal-Korea t’Isfel u qrib il-kosta tal-Korea ta’ Fuq li qatt tar ajruplan militari Amerikan fil-21 Seklu. Dan dejjem bit-titjira ssir fl-ispazju tal-ajru internazzjonali. Anki din id-darba l-ajruplani kienu akkumpanjati minn ajruplani mill-Korea t’Isfel u l-Ġappun.
Fid-diskors tiegħu, Ri qal li “l-insulti” ta’ Trump kienu irriversibbli u li minħabba fihom kien se jkun inevitabbli li missili Koreani jolqtu art Amerikana.
Trump qal li l-Ministru tal-Affarijiet Barranin ta’ Pyongyang kien se jħallas prezz qares għal dan li qal.
Tul din l-aħħar ġimgħa l-kliem iebes bejn iż-żewġ pajjiżi ħrax, speċjalment wara d-diskors ta’ Trump fin-Nazzjonijiet Uniti. Dan wassal għal stqarrija personali bla preċedent minn Kim Jong-un mimlija tgħajjir personali dirett lejn Trump u theddid .
Sadattant esperti internazzjonali qed jaqblu li t-tħeżżiż li kien reġistrat fiz-zona ta’ Punggye-ri ma kienx minħabba splużjoni nukleari. Din hi l-istess zona fejn il-Korea ta’ Fuq wettqet l-isplużjoni nukleari bi prova. Imma t-tħeżżiża ta’ 3.4 fuq l-Iskala Rcihter intqal li kienet ikkawżat minn terremot. Għall-ewwel kien hemm suspett li t-tħeżżiż kien ikkawżat minn splużjoni nukleari imma analiżi bir-reqqa li saret mit-tħeżżiż wera li dan kien wieħed natural u mhux kawżat mill-bniedem.
Ikompli l-iskambju ta’ theddid fil-kriżi Koreana


