Il-Korea ta’ Fuq qalet li għandha d-dritt tiftaħ in-nar fuq l-ajruplani militari Amerikani anki jekk ma jkunux fl-ispazju tal-ajru Korean. Dan apparti li Ri Yong-ho, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Korea ta’ Fuq, qalli l-aħħar dikjarazzjoni mill-President Amerikan Donald Trump kienet se titqies bħala dikjarazzjoni ta’ gwerra. Ri ħied li d-dinja trid tiftakar li kienet l-Istati Uniti li dikjarat il-gwerra.
Ftit qabel, il-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin, Sergei Lavrov, qal li ma jemminx li l-Istati Uniti tasal biex tattakka lill-Korea ta’ Fuq ‘għaliex din taf li r-reġim komunista fi Pyongyang għandu f’idejh l-armamenti nukleari’.
Fl-aħħar ġranet, żdiedet it-tensjoni minħabba l-provi nukleari mwettqa mir-reġim tal-Mexxej Korean Komunista, Kim Jong-un.
Fil-fatt, aktar kmieni fix-xahar, il-Korea ta’ Fuq wettqet prova taħt l-art għal bomba tal-idroġenu meqjusa li kellha ‘sittax il-darba aktar qawwa’ mill-bomba atomika li l-Istati Uniti kienet waddbet fuq il-belt Ġappuniża ta’ Hiroshima, fl-1945, qabel l-aħħar tat-Tieni Gwerra.
Fi tmiem il-ġimgħa, numru ta’ bombers tal-qawwiet Amerikani għaddew, bi skorta ta’ fighter-jets, mill-ispazju tal-ajru internazzjonali fuq l-ibħra lejn il-Lvant mill-Korea ta’ Fuq.