Aġġornata
Il-Pulizija qed tinvestiga dak li qed ikun meqjsu bħala att ta’ vandaliżmu, u qed tfittex lill-persuna li għamel graffiti kbar fuq blat naturali fil-Wied tax-Xlendi f’Għawdex.
Fuq Facebook, għexieren ta’ persuni kkundannaw lil ‘Nathan Bowen’, street artist li għażel il-wied naturali tax-Xlendi bħala t-tila tiegħu għal numru ta’ tpinġijiet.
Ir-ritratti, li ġew ippubblikati fuq Facebook juru rqajja mdaqqsa ta’ blat imħażża bi sketches li juru numru ta’ figuri. It-tpinġijiet huma ffirmati bl-isem ‘Nathan Bowen’ u l-artist saħansitra għażel li jisprejja l-website tiegħu.
Nathan Bowen huwa street artist pjuttost popolari f’Londra u numru ta’ websites saħansitra jfaħħru l-kreattività tal-artist. F’intervista li kellu ma’ website partikolari, meta kien mistoqsi dwar jekk l-arti tat-triq hijiex vandaliżmu, Bowen ħeġġeġ lin-nies biex ma jarawx l-arti tat-triq bħala vandaliżmu iżda biex iqisu l-arti “għal dak li hi, jiġifieri, sbuħija”. Madanakollu, fl-istess intervista, saħansitra jammetti li kemm-il darba kellu xi jgħid mal-Pulizija minħabba l-arti tiegħu.
Sadanittant, kelliema għall-Pulizija kkonfermat ma’ NET News li lbieraħ waranofsinhar daħal rapport anonimu minn persuna li rrappurtat li kien hemm graffiti ġodda fil-Wied tal-Kantra, ix-Xlendi. B’konsegwenza, qed isiru l-investigazzjonijiet mill-Pulizija, bi tfittxija għall-persuna responsabbli.
Dwar dan il-każ tkellmet l-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu, li kkundannat it-tpinġijiet, li ddeskrivithom bħala ‘att vandalu mwettaq minn individwu jew individwi irresponsabbli f’wieħed mill-aktar widien sbieħ f’Għawdex’.
Filwaqt li ħeġġet lill-awtoritajiet tal-infurzar biex jagħmlu l-almu tagħhom biex jaqbdu lil min hu responsabbli, l-awtorità fakkret li x-Xlendi huwa wieħed mis-siti turistiċi ewlenin f’Għawdex, filwaqt li ddikjarat li dan l-att vandalu se jkun qed itellef il-prodott turistiku Għawdxi.
U int x’taħseb? Din arti jew vandaliżmu? Għidilna x’taħseb hawn taħt fil-kummenti.

Ritratti: Steve Micallef Eynaud / Facebook
//= $special ?>