Internazzjonali

Interċettata missila sparata mill-Jemen lejn l-Arabja Sawdija

missila tat-tip 'Scud'

L-awtoritajiet fl-Arabja Sawdija ħabbru li kienu interċettaw missila sparata minn ribelli Xiiti fil-Jemen.
L-isparar tal-missila seħħ waqt li l-Arabja Sawdija kienet qed tiċċelebra l-Jum Nazzjonali.
Intqal li fil-mira tal-missila kien hemm il-belt ta’ Khamis Mushait, belt fil-Majjistral tal-Arabja Sawdija u fejn hemm il-bażi tal-ajru l-aktar importanti, dik ta’ King Khalid.
Uffiċjali qalu li l-missila kienet interċettata mingħajr konsegwenza u li ħadd ma ndarab fl-inċident u wara l-militar Sawdita attakkat il-post fil-Jemen minn fejn kienet sparata l-missila.
Koalizzjoni militari mmexxija mill-Arabja Sawdija ilha minn Marzu tal-2015 impenjata fi ġlied kontra ribelli Xiiti, magħrufa bħala Houthi, fil-Jemen. Ir-ribelli għandhom aċċess għal ħażna ta’ missili tat-tip Scud li għalkemm jivvjaġġaw distanzi twal, mhix preċiża.
Tul din il-gwerra fil-Jemen, aktar minn 100,000 persuna nqatlu u miljuni spiċċaw refuġjati.