Il-fergħat tan-National Health Service fir-Renju Unit qegħdin iħejju għall-dik li qed tissejjaħ l-Australian Flu li – skont ma jistennew — għandha tkun l-agħar għal 50 sena.
Dan meta t-taqsimiet għall-emerġenza fl-isptarijiet tal-Awstralja qed ikunu pakkjati wara li feġġew ’il fuq minn 100,000 każ tal-virus magħruf bħala H3N2.
Il-Professur Robert Dingwall, espert tas-saħħa pubblika fl-Università ta’ Nottingham Trent, qal, sadattant, li ‘hu inevitabbli’ li l-virus ta’ potenzjal qattiel se jolqot sew lir-Renju Unit.
U f’kumment allarmanti, Dingwall qal li din l-Influwenza Awstraljana ġdida tista’ toqtol nies daqskemm kienet qatlet nies l-epidemija tal-Hong Kong flu, fl-1968, li swiet il-ħajja ta’ mill-anqas miljun persuna.
Il-professur qed iħeġġeġ biex l-uffiċjali tas-saħħa Britanniċi ‘jibbażaw it-tħejjijiet fuq l-esperjenza tal-Awstralja’ waqt li jirrevedu b’urġenza l-proċeduri għall-ippjanar ta’ emerġenza.
Magħruf li l-Influwenza Awstraljana ġdida affettwat diġà lil ħafna nies fl-Awstralja u filwaqt li ma ħarġux ċifri ta’ mejtin, l-osservaturi jissuspettaw li l-element tal-virus hu aktar qawwi minn tas-snin preċedenti.
Ir-Renju Unit tlesti għall-‘Australian Flu’


