L-attur Ingliż Colin Firth sar ċittadin Taljan. Dan minħabba d-deċiżjoni li r-Renju Unit titlaq mill-Unjoni Ewropea.
Firth, li hu miżżewweġ lill-ambjentalista Taljana Livia Giuggioli, xorta se jżomm iċ-ċittadinanza Ingliża u ż-żewġt it-tfal tagħhom, Luca, ta’ 16-il sena, u Matteo, ta’13-il sena, għandhom ċittadinanza doppja. Il-koppja jgħixu f’Chiswick f’West London imma għandhom ukoll dar fl-Italja.
Firth, li għandu 57 sena, qal li bl-inċertezza kollha li hemm minħabba l-Brexit, kien ikun għaqli li lkoll ikollhom ċittadinanza doppja. Nies qrib Firth qalu li hu kien imwerwer mill-konsegwenzi tal-Brexit.
F’intervista ma’ ġurnal Awstrijak, Firth kien qal li għalih il-Brexit kien diżastru kbir u li ma setax jara ħaġa waħda pożittiva f’pass simili u għadu ma setax jemmen dak li qed jiġri.
Politikament, Firth jappoġġja l-Partit Liberali Demokratiku Ingliż, li hu favur l-Unjoni Ewropea, u fl-2010 kien deher f’messaġġ politiku flimkien mal-mexxej ta’ dak iż-żmien Nick Clegg. Imma wara kien kisiriha mal-partit.
Firth se jkun jista’ jżomm iċ-ċittadinanza Ingliża peress li r-Renju Unit jippermetti ċ-ċittadinanza doppja.
L-attur Ingliż Colin Firth sar ċittadin Taljan


