It-Tlieta, 3 ta’ Ottubru se tinżamm l-elezjoni każwali biex jimtela’ s-siġġu vakat minn Jean Pierre Debono, li offra li jċedi postu fil-Parlament ħalli l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia jibda jservi wkoll bħala Kap tal-Oppożizzjoni.
Dan wara li lbieraħ sar magħruf li Jean Pierre Debono ħabbar li s-Sibt waranofsinhar tkellem mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista u offra li jċedi postu fil-Kamra tar-Rappreżentanti.
Minn laqgħa li nżammet ilbieraħ mal-kumplament tal-Kandidati tal-Partit Nazzjonalista fuq is-seba’ distrett wasslet għall-konferma min-naħa tagħhom ukoll li min minnhom ikun elett, iċedi s-siġġu wkoll ħalli Adrian Delia jkun jista’ jiġi ‘co-opted’.
Fi stqarrija, il-Kummissjoni Elettorali ħabbret li l-applikazzjonijiet għall-elezzjoni każwali se jkunu qed jintlaqgħu sas-Sibt, 30 ta’ Settembru bejn id-9am u 12pm f’Evans Building.
Wara l-ftehim milħuq ilbieraħ, ladarba l-Kandidat elett iċedi s-siġġu mill-ġdid, fil-jiem ta’ wara jsir il-proċess ta’ ‘co-option’ ħalli l-Kap tal-Partit Nazzjonalista jieħu postu fil-Parlament u eventwalment bħala Kap tal-Oppożizzjoni.
//= $special ?>