Internazzjonali

RITRATTI: Il-Kurdi fl-Iraq jivvutaw għall-indipendenza

Il-Kurdi fir-Reġjun tal-Kurdistan, fl-Iraq,it-Tnejn ivvutaw, f’referendum dwar l-indipendenza. Vot li l-Prim Ministru tal-Iraq, Haider al-Abadi, wissa li se jieħu ‘il-miżuri neċessarji biex jippreserva l-unità tal-pajjiż’.
Hemm tħassib li r-referendum jista’ jipprovoka konflitt ġdid filwaqt li jtellef mill-ġlieda kontra t-terroristi tal-ISIS fl-Iraq.
Iżda l-Kurdi, li ilhom żmien jiġġieldu għal Stat tagħhom, komplew xorta waħda bil-proċess tar-referendum, li r-riżultat tiegħu ma jorbotx, anki jekk mistenni joħroġ verdett ta’ ‘Iva’ għall-indipendenza.

Il-Mexxej tal-Iraqqin-Kurdi, Massoud Barzani, min-naħa tiegħu, qal li l-indipendenza tal-Kurdistan hi l-uniku pass li jiggarantixxi s-sigurtà tal-poplu tiegħu. Fl-istess ħin, hu għamilha ċara li r-referendum tal-bieraħ m’għandux jaffettwa l-ġlieda kontra l-ISIS.
L-Iran u t-Turkija, fl-istess ħin, esprimew tħassib li r-referendum għall-indipendenza tal-Kurdistan jista’ jipprovoka movimenti separatisti fost il-Kurdi li qegħdin jgħixu fit-territorji tagħhom.