Lokali

Se jkun hemm tibdil fl-irwoli tat-tmexxija fil-ħabs

Ir-rwol tad-Direttur tal-ħabs mhux se jibqa’ l-istess. Minflok il-gvern irid li rwol tiegħu ikun aktar ta’ Kap Eżekuttiv tal-ħabs u fuqu jkun hemm Bord tal-Gvernaturi.

Dan qalu l-Ministru għall-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali, Michael Farrugia, f’konferenza tal-aħbarijiet dwar l-ewwel 100 jum tal-Gvern.

Qal wkoll li fil-ħabs iridu jispiċċaw l-istrip searches u minflok jiddaħħal apparat apposta li jiċċekkja lill-priġunieri. Qal anke li jridu jaraw kif se jagħmlu biex il-ħabsin tibda’ titħalsilhom xi tip ta’ bolla għax-xogħol li jagħmlu fil-ħabs.

Il-Ministru Michael Farrugia tkellem anke dwar iċ-ċentri ta’ detenzjoni tal-Immigranti u qal li jridu jtejbuhom. Farrugia qal li l-gvern hu konxju li f’pajjiżna saru jaslu ħafna immigranti llegali mhux biex jingħataw ażil minħabba persekuzzjoni f’pajjiżhom imma biex ikollhom xogħol u paga aħjar. Qal li l-economic migrants jiġu aċċettati jekk jaslu bżmod legali.

Meta mistoqsi minn Net News dwar in-nuqqas ta’ dixxiplina fit-toroq b’mod partikolari fis-sewqan u l-bżonn ta’ preżenza akbar tal-Pulizija fit-toroq il-Ministru Farrugia qal li l-filmati li jixxandru fil-media bħal fl-aħbarijiet, jingħaddu lill-Kummissarju tal-Paulizija biex tressaq lill-persuni nvoluti li f’dak il-filmat partikolari jkunu qed jiksru r-regoli tas-sewqan.

Suġġett ieħor trattat waqt din il-konferenza tal-aħbarijiet kien kif id-dipartiment tal-protezzjoni civili se jibda jinvesti f’inġenji ta’ power ladders biex f’każ ta’ nirien ikunu jistgħu jilħqu l-High Rise Bulidings.

Qal wkoll li d-dipartiment tal-protezzjoni civili se tkun qed taħdem mal-Awtorita’ għall-Ippjanar u mal-Gvern biex min jibni dawn it-tip ta’ binjiet jimxi mar-regoli stabbiliti.

Il-Ministru Farrugia qal wkoll li l-Forzi Armati ta’ Malta se tkun qed tagħmel tender biex ikollha l-akbar lanċa li qatt kellha biex twettaq il-ħidma tagħha aħjar b’mod partikolari mal-Frontex, meta jaslu l-immigranti llegali.