Lokali

Serqa mill-Knisja ta’ Kristu Re f’Raħal Ġdid

Insterqu flus minn diversi kaxex tad-donazzjonijiet

Fil-lejl ta’ bejn il-Ħadd u t-Tnejn insterqu flus minn diversi kaxex tad-donazzjonijiet fil-Knisja Parrokkjali ta’ Kristu Re f’ Raħal il-Ġdid.

L-aħbar tas-serqa kienet fuq fomm kull min jiffrekwenta l-Knisja u dawk li kienu fl-inħawi tagħha hekk kif il-poplu Pawlist qam maħsud bis-serqa fl-ikbar Knisja f’Malta.

Il-Pulizija rċeviet l-ewwel rapporti dwar is-serqa fil-4:50a.m. hekk kif il-flus nieqsa mill-kaxxi ġew skoperti mis-sagristan malli fetaħ il-knisja għall-ewwel quddiesa.

Il-Kappillan, il-Kanonku MarcAndre Camilleri, ikkonferma ma’ NET News kif il-persuna jew persuni li wettqu s-serqa, qalgħu il-ħadid minn tieqa li hemm fis-saqaf ta’ kamra fis-sagristija sabiex daħlu jisirqu mill-Knisja. Huwa ttawwal lill-Knisja qabel il-11.30 ta’ bil-lejl minħabba l-maltemp iżda xejn ma għoroklu għajnu.

Fil-fatt, il-ħallelin żgassaw qabel il-maltempata tal-lejl peress li l-kamra kienet imxarrba iżda mbagħad ma nstabu ebda passi fis-Sagristija.

Wieħed seta’ jinnota ukoll għadd ta’ kaxxi żgassati madwar il-Knisja, partikolarment dawk ta’ quddiem il-Vara devota’ Ġesù Redentur u l-Artar Titulari li fih jinżamm is-Santissimu Sagrament.

Fortunament, kemm is-Santissimu Sagrament kif ukoll bosta paramenti sagri u liturġiċi ma nstmessewx fis-serqa.