Lokali

Stil ġdid ta’ politika mibnija fuq ir-rispett u fejn ikunu miġġielda l-argumenti – Il-Kap tal-PN Adrian Delia

Il-Kap tal-PN Adrian Delia
Intervista mal-Kap tal-PN Adrian Delia li kienet pubblikata fil-gazzetta il-mument

“Jien determinat li l-Partit Nazzjonalista jerġa’ jibda jikber u jsir id-dar naturali tal-Maltin u l-Għawdxin u dan se jsir għaliex se nagħmlu u nwasslu stil ġdid ta’ politika. Irrid li din il-politika ġdida tkun mibnija fuq il-ġlied tal-argumenti u l-ideat imma mhux li nġelldu lin-nies. F’soċjetà żgħira bħal tagħna ma jagħmilx sens li nġelldu lin-nies. Il-familji f’Malta u f’Għawdex b’xi mod jew ieħor jiġu lkoll minn xulxin. Li niddibattu u nitkellmu iva, iżda li niġġieldu qatt.

“Flimkien ma’ dan kollu rrid ukoll bil-qawwa niġġieled kontra kull tip ta’ mibegħda. Biex nagħmlu l-politika ma hemmx għalfejn nobogħdu lil xulxin u nitgħajru u nweġġgħu lil xulxin bil-kliem li ngħidu. Ejja naraw min għandu l-aħjar miżuri. Ejja nissieltu biex noffru l-aħjar politika għan-nies.

“U dan kollu se nkunu kapaċi nagħmlu għaliex se nkunu magħqudin u b’saħħitna ħafna. Dan kollu u ferm aktar se nkunu kapaċi nagħmluh għaliex determinati li nkunu ħaġa waħda quddiem objettiv wieħed – dak li l-PN jikber u jinfirex u jegħleb lill-Partit Laburista fil-Gvern.”

Din id-dikjarazzjoni qawwija għamilha Adrian Delia f’intervista ma’ il-mument, li l-Ħadd li għadda kien elett bħala l-Kap il-ġdid tal-PN.

Adrian Delia kompla jiddikjara: “U jkun qed jiżbalja ħafna l-Partit Laburista jekk jaħseb li fil-PN immexxi minni se jsib xi tarka faċli. Aħna se nkunu b’saħħitna ħafna. Magħqudin u determinati li niġġieldu bis-saħħa kollha lill-Partit Laburista li jkun qed jiżgarra bl-ikrah jekk b’xi mod jaħseb li se jsibna dgħajfin jew mifrudin.”

Il-Kap tal-PN Adrian Delia intervistat mill-ġurnalist Joe Mikallef

Bibien miftuħa lil kull min irid jagħti kontribut lill-PN

Ma’ Adrian Delia ltqajna f’nofs din il-ġimgħa fl-Uffiċċju tiegħu fit-tielet sular tad-Dar Ċentrali. “Jien il-bibien dejjem miftuħa beraħ għal kulħadd. Hekk irrid li tkun id-Dar Ċentrali… bil-bibien miftuħa. Ħajja. Tilqa’ fiha lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor iridu jagħtu l-kontribut tagħhom.

“Nistieden lil dawk kollha li jridu jaħdmu fil-PN biex jiġu ’l quddiem u jaħdmu magħna. Hawn ħafna xogħol u ħidma xi trid issir. Irrid li l-familja tagħna tikber u tkompli tikber u tkun mimlija entużjażmu. In-nies iġibu lin-nies. Inħoss mewġa sabiħa ta’ nies li qed jersqu mill-ġdid lejn il-PN.”

Preparat b’entużjażmu

Fil-bidu tal-intervista staqsejt lil Adrian Delia kif iħossu issa li għadda minn kampanja twila u qalila. Hu fisser li issa li għadda kollox iħares ’il quddiem b’sodisfazzjon kbir biex il-miri tiegħu li jmexxi lill-PN b’suċċess javverahom għall-ġid tal-istess PN, ta’ dawk kollha li jappoġġjaw lill-Partit kif ukoll fl-aħjar u l-aqwa interess tal-pajjiż.

Adrian Delia kompla li bħalissa għaddej minn sensazzjoni tassew mhux tas-soltu għaliex filli kellu l-karriera professjonali tiegħu, u issa wara li kien elett Kap tal-Partit, qiegħed jibda jesperjenza uffiċċju ġdid. “Ħsibt li kont se nħoss xi tip ta’ firda, iżda fil-verità ġejt hawnhekk u qisu ġejt hawnhekk għax-xogħol. Moħħi hu ppreparat b’entużjażmu għal dan ix-xogħol ġdid li qiegħed nidħol għalih. Moħħi qiegħed jgħidli u jħeġġiġni biex nibda naħdem minnufih. Qiegħed inħoss paċi kbira ġewwa fija. In-nies ta’ madwari wkoll qed jgħinuni ħafna u jagħtuni l-appoġġ kollu biex flimkien nibdew interrqu triq li trid twassalna għal ħafna sodisfazzjon u suċċess.”

L-appoġġ tal-familja

Mistoqsi dwar l-aspett familjari u kif ħaduha din l-aħbar sabiħa, Adrian Delia fisser li “l-ulied il-kbar huma ferħanin ħafna u ferħulu b’mod li bħal qishom kienu qed jistennew bl-aktar mod naturali din it-tranżizzjoni fil-ħajja tal-familja. Imbagħad hemm it-tfal iż-żgħar li sa issa għadhom ma fehmux x’qed jiġri b’mod preċiż. Naturalment imma qed jaraw ħafna ritratti tiegħi fil-gazzetti u jiġu jinbxuni dwarhom. Magħhom fi rwol importanti ħafna mbagħad hemm il-mara li hi ta’ appoġġ kbir u sostenn kontinwu.”

“Miegħi kulħadd jaf fejn jinsab!”

Hawnhekk staqsejtu min hu fil-verità Adrian Delia, u l-Kap il-ġdid tal-PN qal li Adrian Delia hu dak il-bniedem li tarah minn barra. “In-nies qed jifhmu li jien hu dak li hu. Li kapaċi nifraħ u nidħak. Imma kapaċi nirrabja wkoll. L-estern tiegħi jikxef il-ġewwieni tiegħi. Miegħi kulħadd jaf fejn jinsab.

“Adrian Delia hu wkoll persuna ta’ passjoni kbira. Li dak li jidħol għalih jagħmlu b’passjoni kbira. U dan dejjem. Minn meta kont żgħir. Irrid nagħmel dak kollu li nħobb u b’passjoni kbira. Jien irrid inkun fuq quddiem nett ta’ dak kollu li nkun involut fih.”

“Qed nagħmel dak li nemmen fih”

Mistoqsi kif iddeċieda li jħalli kollox warajh biex jidħol għal dan l-impenn tant qawwi, Adrian Delia fisser li warajh ħalla l-affarijiet materjali kollha. “Meta ngħid li ħallejt inkun qed infisser li bgħett u dan ifisser li kien hemm telf materjali sostanzjali ħafna. Biex tifhem, quddiemni kelli għaxar/tnax-il sena mill-aktar tajbin għalija f’terminu ta’ karriera professjonali, iżda ddeċidejt li nħalli kollox warajja. Il-flus x’sodisfazzjon kbir se jagħtuk? Għandi fejn noqgħod. Għandi dak kollu li nixtieq… familja, eċċ… L-affarijiet materjali jien ma jagħmlux bija. Li jgħodd għalija hu dak li hu ta’ sustanza; li tagħmel dak li verament temmen fih. U jien inkun kuntent biss meta nagħmel dak li nemmen fih. L-enerġija nġibha billi nagħmel dak li tassew inħobb… u warajja dejjem ikolli lill-mara u lit-tfal. Il-mara tiegħi taf tassew li jekk jien ma nagħmilx dak li tassew inħobb allura ma nkunx kuntent.”

Adrian Delia qal li kull ġurnata li qed tgħaddi qed jifhem aktar li qed tikber il-folla warajh u l-folla qed temmen aktar u aktar li ninsabu fit-triq it-tajba u li se naslu. “Dan kollu jpoġġini f’paċi kbira u f’serenità kbira biex inkompli naħdem bil-qawwa kollha għall-ġid ta’ dan il-Partit. Jien se nkompli nagħmel dak li verament nemmen fih. U l-Maltin u l-Għawdxin qed jidħlu f’qalbi aktar ma’ kull jum li jgħaddi.

“Irrid nagħmel differenza fil-ħajja tan-nies”

“Illum qiegħed ikolli l-esperjenza li ngħaddi mill-privileġġ li niltaqa’ ma’ nies li ma nkunx nafhom u dawn in-nies jiġu minn rajhom ikellmuni, jifirħuli u jgħiduli l-aktar affarijiet importanti u personali tagħhom. Din is-sitwazzjoni tpoġġini f’responsabbiltà kbira ħafna li lil dawn in-nies nagħmel dak kollu li nista’ biex nagħmlilhom differenza fil-ħajja tagħhom billi ngħinhom bl-aħjar mod li kapaċi ngħinhom.”

Politika ġdida biex il-PN jilħaq in-nies

Id-diskors mexa lejn id-distakk ta’ 40,000 vot li l-Partit Laburista għandu fuq il-PN u Adrian Delia fisser li hu ma jħarisx lejn in-numri. “Jien inħares lejn l-individwi. Il-politika ma hix numri, imma individwi… individwi bil-bżonnijiet tagħhom. Kull individwu bil-problemi u l-bżonnijiet partikulari tiegħu. U hawn fejn nidħlu aħna. Irrid ngħin lil kull individwu għaliex b’hekk tikber mill-ġdid il-familja tal-PN.”

Adrian Delia qal li quddiem l-40,000 distakk hu ma jaqtax qalbu imma jixpruna aktar lilu nnifsu biex flimkien naħdmu u nirsistu ħalli lil dan il-Partit nagħtuh dak kollu li hemm bżonn biex grazzi għall-istil il-ġdid tal-politika, il-PN jerġa’ jibda jilħaq familji li kienu fi ħdanu u telquh, oħrajn li ma jassoċjaw ma’ ħadd… irridu nagħmlu politika ġdida biex nilħqu lin-nies. Insiru rilevanti biex in-nies jisimgħuna, ikollhom fiduċja fina u jafdawna bit-tmexxija tal-pajjiż.

Mistoqsi dwar x’jifhem eżattament bil-kliem “politika ġdida”, Adrian Delia stqarr li “b’politika ġdid ma jfissirx li nabbandunaw il-prinċipji u l-valuri li jgħaqqduna. Anzi bil-maqlub; irridu ngħixuhom u nsaħħuhom. Il-mod ġdid hu kif nikkomunikaw man-nies, kif nilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom u, iva, kif se jerġgħu jirrelataw u jiddentifikaw mal-PN. Dan hu l-mod ġdid li jridu n-Nazzjonalisti.

“Ma nistgħux nibqgħu npinġu li t-triq tas-sewwa hi dik li drajna biha. Il-messaġġ li wasslilna l-poplu fl-elezzjonijiet ġenerali hu ċar u tond. Dan ma jfissirx li se nabbandunaw id-dmir li nkunu Oppożizzjoni b’saħħitha kontra t-tgħaffiġ kontinwu u qawwi tal-Gvern Laburista. Dan lanqas ma fisser li se nkunu fotokopja tal-Labour. Dan ma jkun qatt.”

Adrian Delia qal li l-mod ġdid ifisser li mhux talli nkunu differenti mill-Partit Laburista, iżda aqwa għax b’viżjoni rebbieħa se nkunu mhux biss Gvern alternattiv iżda se nuru li kapaċi nwasslu lil Malta biex verament terġa’ tikseb ir-reputazzjoni internazzjonali li jixirqilha.

Tiġdid il-ħin kollu

Il-Kap Nazzjonalista stqarr li jixtieq iserraħ ras kulħadd li l-aspirazzjoni tiegħu hi waħda… li jkun fost in-nies, tan-nies u daqs kull wieħed u waħda minnhom. Dan hu altru minn dak li qed jintqal li kull min ħadem fil-PN fl-aħħar snin issa jrid jieqaf. Adrian Delia qal li hu jrid jaħdem qatigħ biex kulħadd jingħata spazju ħalli jaħdem fil-PN għax il-Partit hu ta’ kulħadd.

Hu kompla li l-isfida li l-Partit għandu quddiemu hi li jiġġedded il-ħin kollu. “Ma għandna l-ebda dritt li ngħidu li hemm 120,000 persuna li huma Nazzjonalisti. Il-Partit Laburista ma jistax u ma għandux dritt li jdur fuq dawk li vvutawlu fl-aħħar elezzjoni ġenerali u bi dritt jgħid li dawk huma tiegħu. Il-messaġġ tagħna jrid ikun ċar ħafna – ejja nagħmlu rivoluzzjoni b’tali mod li kull min jemmen li jrid jgħix f’pajjiżna sabiħ kif qed noħolqu u nixtiequ flimkien, allura għandu post ġewwa fih.”

Il-PN se jkun miftuħ għal kulħadd

Mitlub jitkellem dwar ir-rivoluzzjoni fil-ħsieb li diversi drabi għamel referenza għaliha tul il-kampanja li għaddiet fl-aħħar ġimgħat, Adrian Delia qal li din hi rivoluzzjoni mill-aktar importanti. Rivoluzzjoni fil-ħsieb u fil-mod kif naħsbu. “Jien nixtieq inwassal politika ġdida. Jien ktieb miftuħ. Jien ma għandi xejn x’naħbi fil-ħajja tiegħi. Jien irrid li anki l-uffiċċju tiegħi jkun dejjem miftuħ biex min irid jidħol u jsellimli jidħol u jagħmel dan bl-aktar mod liberu. Mhux aktar bil-bibien magħluqa. Mhux aktar maqtugħa min-nies. Jien waqt l-andament tax-xogħol tiegħi rrid li l-bieb tal-uffiċċju tiegħi jkun miftuħ beraħ. Irrid li l-bibien kollha fid-Dar Ċentrali jkunu miftuħa għall-Partit kollu.

“U kull min għandu xi kontribut x’jgħaddi lil pajjiżna tramite l-PN, allura jiġi ’l quddiem biex jagħti u joffri s-servizzi u t-talenti tiegħu. Il-PN jeħtieġ li jkun miftuħ għal kulħadd, u hekk se jkun biex id-Dar Ċentrali ssir post fejn jiltaqgħu n-nies u fejn jien inkun nista’ niltaqa’ personalment man-nies li jkunu jridu jiltaqgħu miegħi u jkellmuni. Ejja niftħu aktar beraħ il-bibien tad-Dar Ċentrali. Ejja nagħmlu minn dan il-post ċentru ħaj tal-attività politika.”

Politika differenti u l-bidliet meħtieġa

Hawnhekk tkellimna dwar l-għaqda meħtieġa mill-ġdid fi ħdan il-PN u l-Kap il-ġdid Adrian Delia fisser li hu konvint ħafna li din l-għaqda se sseħħ. Jeħtieġ li nagħmlu l-politika b’mod differenti. Jeħtieġ li l-bidliet meħtieġa jsiru. U ħadd ma għandu jibża’ mill-bidliet. Ejja nieħdu r-riskji li hemm bżonn biex nimxu ’l quddiem. Ejja jkollna fidi fina nfusna biex naslu u nibdew ingawdu l-frott tal-politika l-ġdida li se jkunu qed inwasslu.

“Tul is-snin il-PN qatt ma beża’ jagħmel il-bidliet meħtieġa. Għamel il-bidliet u wara gawdejna minn ħafna riżultati importanti u kisbiet pożittivi. Dawn huma bidliet ukoll li għaqqdu lill-PN u taw is-saħħa biex jissokta jimxi ’l quddiem. “Dan id-diskors japplika wkoll għal-lum ukoll. Ejja nagħmlu l-bidliet li hemm bżonn u niksbu l-vantaġġi ta’ dawn it-tibdiliet meħtieġa.”

PN li se jkun b’saħħtu

Mistoqsi dwar il-Partit Laburista, Adrian Delia rriafferma l-ħsieb tiegħu li l-Partit Laburista se jkun qiegħed jiżbalja bl-ikrah meta jaħseb li se jkun qed isib lill-Partit Nazzjonalista b’xi mod maqsum jew dgħajjef.

“Meta aħna nkunu ġentili u prudenti ma jfissirx li aħna dgħajfa. Aħna rridu l-għaqda u mhux il-firda. Aħna rridu t-tama u mhux l-attakki personali jew il-mibegħda billi jitkisser dak jew l-ieħor. Meta nitkellem hekk inkun qed inwassal l-istil ġdid ta’ politika. Politika mibnija fuq ir-rispett u fuq il-ġlieda tal-argumenti iżda mhux fuq li nġelldu lin-nies. Ma rridx li nġelldu lin-nies. U l-Partit Laburista jista’ jistenna Partit Nazzjonalista b’saħħtu ħafna u b’determinazzjoni kbira li lest jagħmel kull impenn u sagrifiċċju biex jegħleb l-ostakli li jkollu quddiemu. Aħna se nikkritikaw l-iżbalji, se niġġieldu dak li hu ħażin u se nissieltu biex min iwettaq l-illegalità jħallas għar-reat li jkun għamel. Nassigurakom li l-PN se jkun ġust, qawwi u sod.”

Tissokta l-ġlieda kontra l-korruzzjoni

Adrian Delia kompla li l-PN mhux se jieqaf jiddefendi lil pajjiżna quddiem il-korruzzjoni u l-abbużi. Dan għaliex il-PN għandu kull obbligu li jħares il-kwalità tal-ħajja tan-nies u n-nies ma jkollhomx kwalità ta’ ħajja sana jekk ikunu jafu li qed issir il-korruzzjoni. Għalhekk aħna se nkunu qed niġġieldu bil-qawwa kollha lill-korruzzjoni. Ġejja minn fejn ġejja.

“U dan se nagħmluh billi nħarsu l-ambjent ta’ madwarna u billi nsaħħu l-istituzzjonijiet kollha li sfortunatament waqfu milli jaqdu l-funzjoni tagħhom. Irridu li mill-Oppożizzjoni l-PN jinsisti mal-Gvern li jħalli lil dawn l-istituzzjonijiet jaħdmu u jiffunzjonaw kif mistenni mill-poplu Malti u Għawdxi.”

PN imħejji fuq kwistjonijiet ta’ valuri

Mistoqsi dwar il-ftuħ tal-Parlament nhar it-Tnejn, 2 ta’ Ottubru, fejn il-Gvern se jkun qed iġib numru ta’ abbozzi ta’ liġi ġodda, Adrian Delia għamilha ċara li l-PN se jkun ippreparat tajjeb ħafna biex jiddiskuti u jiddibatti bil-qawwa kollha. “Pereżempju jien kontra l-kummerċjalizzazzjoni tal-prostituzzjoni u favur il-ħajja umana, u favur il-ħarsien tal-ħajja mill-konċepiment sat-tmiem naturali tal-ħajja u kontra t-teħid u l-abbuż tad-droga. Dawn kollha huma temi delikati li se nkunu qed nissieltu dwarhom fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin. Jien nemmen fil-ħajja mill-konċepiment sal-mewt u hu importanti li tul il-ħajja l-persuni jgħixu ħajja dinjituża.

“Dan kollu qed ngħidu filwaqt li nenfasizza wkoll li hemm bżonn li tittieħed azzjoni u tingħata protezzjoni lill-komunitajiet differenti li hawn jgħixu ġewwa pajjiżna kontra l-kriminalità u nappella wkoll għal studju dwar kemm hawn nies jgħixu f’pajjiżna illegalment biex din il-kwistjoni tibda tkun indirizzata b’mod serju.”

Sehem iż-żgħażagħ kruċjali

Tkellimna wkoll dwar ir-rwol taż-żgħażagħ fi ħdan il-PN u Adrian Delia qal li jrid li jkunu ż-żgħażagħ li jagħmlu l-politika fi ħdan il-PN billi jsibu l-bibien miftuħin u jipparteċipaw f’kull livell tal-Partit.

Hawnhekk hu appella lil kulħadd biex ikun hemm il-kuraġġ li liż-żgħażagħ nafdawhom bit-twettiq tal-politika. “Ħalluhom jikkommettu l-iżbalji. Ħalluhom jitgħallmu mill-iżbalji tagħhom stess. Jiena ċert li ż-żgħażagħ mhux se jgħaffġu, għax huma għandhom il-potenzjal biex jiġru bil-Partit Nazzjonalista, u biex il-PN jiġri magħhom.

“Hemm bżonn li l-PN jerġa’ jsir partit żagħżugħ u li jkollu l-ideat taż-żgħażagħ li jkunu l-ideat ta’ Malta ta’ għada, u mhux ta’ Malta tal-antik. Irridu nkunu rivoluzzjonarji u wieħed ma għandux jibża’ għaliex jista’ jiżbalja… meta tiżbalja, titgħallem… imma importanti li f’kull impenn ikun hemm il-ġenwinità.”

“Irridu nassiguraw dħul sostenibbli għall-anzjani”

Settur ieħor li tkellimna dwaru kien dak tal-anzjani. Adrian Delia fisser li l-Partit Nazzjonalista għandu għal qalbu ħafna lill-anzjani Maltin u Għawdxin u jrid li jagħti spazju importanti lil din il-faxxa tant importanti ta’ nies fis-soċjetà tagħna għaliex l-anzjani fadlilhom ħafna x’jikkontribwixxu.

Hu saħaq li l-PN għandu jassigura li l-anzjani tagħna jkomplu jgħixu l-ħajja tagħhom b’dinjità u għalhekk saħaq fuq il-bżonn li l-anzjani tagħna jibqgħu attivi anke fl-età avvanzata tagħhom.

Il-Kap Nazzjonalista qal li hu fatt magħruf li l-popolazzjoni ta’ Malta dejjem qed tixjieħ. Dan filwaqt li l-għajxien tal-ħajja tal-anzjani qed imur għall-agħar għax dawn mhux ilaħħqu jaslu sal-aħħar tax-xahar. Għalhekk hu importanti li l-anzjani tagħna jkollhom dħul sostenibbli li jwassalhom sal-aħħar tax-xahar u jgħixu ħajja deċenti mingħajr ma jiċċaħħdu mil-affarijiet bażiċi.

Il-Gvern irid jieħu l-passi neċessarji biex jiżgura li l-anzjani jkollhom dħul sostenibbli. It-tranżizzjoni għall-pensjoni trid issir mingħajr skossi u dan billi jiġu provduti opportunitajiet lil dawk l-anzjani li għalkemm laħqu l-età tal-pensjoni jkunu jixtiequ jibqgħu jaħdmu. Dawk li ma jkunux jixtiequ jkomplu jaħdmu jistgħu jiġu offruti inizjattivi oħra bħal taħriġ li diġà jeżisti iżda jeħtieġ jissaħħaħ.

Lura għall-parteċipazzoni fi ħdan il-PN, Adrian Delia qal li jeħtieġ li jkun hemm l-enerġija taż-żgħażagħ imħallta mal-esperjenza tal-anzjani u qal li dan jista’ jsir b’mod prattiku billi l-anzjani jibdew b’mod attiv u b’mod differenti jkunu involuti fl-edukazzjoni taż-żgħażagħ, fost l-oħrajn billi jaqsmu l-esperjenza tagħhom maż-żgħażagħ.

Adrian Delia qal li l-akbar riżorsa li għandna bħala pajjiż hi r-riżorsa umana u jekk nitilfu lill-anzjani tagħna u ma nużawx lil din ir-riżorsa imprezzabbli minħabba li l-anzjani mhux ikunu attivi, ikollna soċjetà mankanti. “Jeħtieġ li mill-bankijiet tal-Oppożizzjoni nagħmlu l-almu tagħna biex din ir-riżorsa tiġi użata dejjem aktar mis-soċjetà.”

“Irridu nkunu t-tarka tal-ħaddiema, tal-koppji żgħażagħ”

Mistoqsi kif se jkun qiegħed jassigura li l-Partit Nazzjonalista jkun tarka konkreta ta’ difiża favur in-nies, partikularment tan-Nazzjonalisti diskriminati fil-postijiet tax-xogħol, Adrian Delia qal li bħala Kap tal-PN se jmexxi Oppożizzjoni li se żżomm lill-Gvern Laburista responsabbli għal kull impjieg li qed jintilef minħabba n-nepotiżmu.

Hu qal li “matul il-ġimgħat li għaddew iltaqa’ ma’ bosta ħaddiema li tilfu l-benefiċċji tas-sahra u benefiċċji oħrajn sempliċement għax inqabżu minn xi ħadd tal-qalba fil-familja ‘Tagħna Lkoll’. Dawn il-ħaddiema, kemm Nazzjonalisti u kemm Laburisti, m’għandhom lil ħadd min jimbuttahom għalhekk irrid li minn hawnhekk issa naħdem qatigħ biex flimkien ma’ sħabi nkunu t-tarka ta’ dawn il-ħaddiema.”

Adrian Delia qal ukoll li hu jrid imexxi Oppożizzjoni li żżomm lill-Gvern responsabbli għal kull familja li ma tistax tlaħħaq mal-ispejjeż tal-ħajja sal-aħħar tax-xahar, minħabba li l-paga mhix isservihom.

Hu kompla li se jżomm lill-Gvern Laburista responsabbli wkoll għall-fatt li koppji żgħażagħ ma jistgħux jikkwalifikaw biex jieħdu self biex jixtru l-proprjetà fejn se jrabbu l-familja tagħhom u dan kollu għaliex il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom kulma jmur qed jitnaqqru.

Il-Kap Nazzjonalista saħaq li l-Oppożizzjoni se żżomm lill-Gvern responsabbli wkoll għat-tnawwir tal-valuri fis-soċjetà minħabba l-korruzzjoni istituzzjonalizzata u saħaq li se jżomm lill-Gvern responsabbli għal kull Għawdxi u Għawdxija li qed ikollhom jitilqu minn Għawdex biex jaħdmu u qed ifittxu djar f’Malta b’konsegwenza li l-ekonomija Għawdxija staġnat.

“Fil-ġimgħat, fix-xhur u fis-snin li ġejjin irridu nkunu Oppożizzjoni li tiġġieled għall-weġgħat tan-nies ikkawżati minn dan il-Gvern Laburista minħabba li l-inkompetenza, il-korruzzjoni u l-arroganza ħakmuh.”

Il-midja tal-PN trid issir l-aqwa

Lejn tmiem l-intervista tkellimna wkoll dwar il-midja tal-PN. Adrian Delia qal l-PN se jkun qed jaħdem minnufih biex iva l-midja tal-PN taġġorna ruħha u ssir l-aqwa midja fil-pajjiż. Il-PN irid li jkollu midja effettiva u effikaċi “u hu ta’ sodisfazzjon kbir kif fil-midja tal-Partit hemm ħafna entużjażmu, motivazzjoni u qbil biex isiru l-bidliet meħtieġa ħalli l-midja tagħna tagħmel qabżiet kbar ’il quddiem u tkun tappella għal udjenzi ferm u ferm akbar.”

Hu kompla li sfida kbira f’dan ir-rigward hi l-parti finanzjarja, “iżda l-Partit se jagħmel dak kollu possibbli biex il-midja tal-Partit tikber aktar, tespandi aktar u toffri servizz immedjat ferm akbar lill-PN biex hekk il-messaġġ ikun jista’ jitwassal bl-aktar mod effettiv u dirett.

“Il-Partit u l-parti tal-midja żgur li se jaħdmu id f’id u se neċċitaw lil xulxin biex nidħlu flimkien għal proġetti importanti bl-iskop li nkunu aktar attwali u fl-istess ħin il-midja ma tkunx ta’ toqla finanzjarja fuq il-Partit.

“Se nassigura li l-aġenda tal-Partit ikun qiegħed jagħmilha hu u ma jagħmilhielu ħadd. Allura trid tkun il-midja tagħna li twassal l-aġenda tal-Partit billi tiġri hi stess wara l-aħbar minn dan il-Partit u mhux issegwi lil xi midja oħra li toħroġ hi b’xi aħbar li jkun irid iwassal il-Partit fost il-poplu Malti u Għawdxi,” temm il-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia.