Futbol Sport

Asensio jilħaq qbil biex iġedded il-kuntratt ma’ Real Madrid

Marco Asensio (lemin) jiddefendi l-ballun fil-logħba tal-Ħadd li għadda kontra Real Betis (Ritratt: EPA)

Il-plejer Spanjol Marco Asensio laħaq ftehim biex iġedded il-kuntratt tiegħu ma’ Real Madrid sal-2023. Dan il-qbil mistenni li jkun imħabbar uffiċjali fil-jiem li ġejjin, u se jkollu klawsola kbira ta’ €700 miljun. Il-valur tal-klawsola tiegħu sar bl-għan li jevitaw każ simili ta’ Neymar, wara li f’dan is-sajf l-attakkant Brażiljan ingħaqad ma’ PSG għal €222 miljun.

B’hekk kompla l-proċess ta’ Real Madrid li jġeddu l-kuntratti tal-aqwa plejers tagħhom, wara Marcos Llorente, Lucas Vazquez, Bale, Luka Modric, Cristiano Ronaldo u Marcelo. Asensio tela’ mill-akkademja ta’ Maiorca u kien akkwistat minn Real Madrid fl-2014 meta kien għad kellu 18-il sena.

Real kien bagħtu l-plejer b’self ma’ Espanyol fejn skorja erba’ gowls f’34 logħba u rebaħ il-premju tal-aħjar plejer tal-La Liga. Meta rritorna lura mal-klabb, hu sab lil Zinedine Zidane li ddeċieda li jżommu fl-iskwadra, bil-plejer jiskorja 10 gowls fi 30 logħba.

Asensio għandu wkoll rekord partikolari tad-debutti. Hu skorja fid-debutt fis-Super Cup Spanjola kontra Barcelona, fis-Super Cup Ewropea kontra Sevilla, fil-La Liga kontra Real Sociedad, fiċ-Champions League kontra Legia Warsaw u fit-Tazza tar-Re. Din is-sena hu skorja żewġ gowls f’sitt logħbiet.