Internazzjonali

Ċaħda dwar dikjarazzjoni ta’ gwerra fil-kriżi mal-Korea ta’ Fuq

 

L-Istati Uniti qed tiċħad l-akkużi tal-Korea ta’ Fuq li t-Tmexxija f’Washington iddikjarat gwerra fuq l-Istat komunista, bil-kelliema Amerikani jfissru dawn it-tipi ta’ kummenti bħala ‘assurdi.’

Sadanittant, l-Istati Uniti wissiet lir-reġim tal-Korea ta’ Fuq biex ma jkomplix jipprovoka lil Washington u l-alleati tiegħu, wara li r-reġim ta’ Pyongyang qal li l-Korea komunista tirriserva d-dritt biex twaqqa’ ajruplani militari tal-Amerikani. Fl-istess ħin, kelliema għan-Nazzjonijiet Uniti qalu li stqarrijiet provokanti fuq dan il-livell kapaċi jipproduċu sitwazzjonijiet inkontrollabbli, b’riżultati fatali.

Il-Korea t’Isfel, intant, qed issejjaħ għall-kalma u biex in-naħat iżommu lura minn kliem u azzjonijiet li jsaħħnu l-qigħa meta kwalunkwe konfront aċċidentali fir-reġjun jista’ jkollu l-konsegwenzi katastrofiċi.

Proprju jumejn ilu xi ajruplani tal-gwerra Amerikani għaddew qrib il-kosta tal-Korea ta’ Fuq f’turija ta’ saħħa u l-Ministru Korean komunista għall-Affarijiet Barranin, Ri Yong-ho, fil-bidu tal-ġimgħa, qal lill-ġurnalisti fi New York li pajjiżu għandu d-dritt li jniżżel l-ajruplani tal-Istati Uniti anki jekk dawn ma jkunux fl-ispazju tal-ajru tal-Korea ta’ Fuq.

Il-kummenti ta’ Yong-ho saru bi tweġiba għal messaġġ fuq Twitter li bagħat il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, u li suġġerixxa li ‘il-Korea ta’ Fuq mgħandhiex ikollha eżistenza fit-tul dment li l-Mexxejja (fi Pyongyang) ikomplu bil-kliem aggressiv tagħhom’.

Il-Kelliema għall-White House ta’ Washington, Sarah Huckabee Sanders, min-naħa tagħha, irredikolat is-suġġeriment li l-Istati Uniti, fl-aħħar sigħat, kienet daħlet fi gwerra ma’ Pyongyang.

Madankollu kien ċar ħafna l-messaġġ tal-Kurunell Robert Manning, il-kelliem għall-Pentagon, li qal li ‘f’każ li l-Korea ta’ Fuq tkompli tipprovoka lill-pajjiżi bil-kliem u l-azzjonijiet, l-awtoritajiet relevanti (f’Washington) se jaċċertaw li jipprovdu l-għażliet lill-President (Trump) biex jieħu ħsieb il-Korea komunista’.

 

Stephane Dujarric, kelliem għas-Segretarju Ġenerali tan-NU, Antonio Guterres, qal li l-kummenti jaħarqu u provokattivi kapaċi jwasslu għal sitwazzjonijiet qattiela u traġiċi, fost l-insistenza għal soluzzjoni politika għall-kriżi mal-Korea ta’ Fuq, li fl-aħħar ġimgħat kompliet bil-provi nukleari u missilistiċi bi sfida għar-rounds suċċessivi tas-sanzjonijiet min-naħa tan-Nazzjonijiet Uniti.

Id-diplomati taċ-Ċina għan-NU, intant, qed jagħmlu minn kollox biex l-affarijiet jikkalmaw minħabba li s-sitwazzjoni qed issir wisq perikoluża.

Iżda minkejja l-ġimgħat tat-tensjoni, hu minnu wkoll li ħafna osservaturi qegħdin jimminimizzaw is-sogru ta’ konflitt militari dirett fir-reġjun tal-Korea.