Lokali

FILMAT: Aktar verżjonijiet differenti dwar il-‘free vote’ għad-Deputati tal-Gvern

Aktar Deputati tal-Gvern ma jafux fejn qegħdin dwar jekk il-Prim Ministru Joseph Muscat għandux jagħtihom ‘free vote’ f’voti Parlamentari fuq affarijiet fejn tidħol il-moralità.

Dan qed iwassal biex fil-beraħ qed joħorġu verżjonijiet differenti mid-Deputati tal-Gvern dwar x’għandu jsir. Min jgħid li l-Grupp Parlamentari Laburista għandu dejjem jivvota l-istess, min jgħid li għandu jkun hemm diskussjoni interna, min jgħid li ċar li ma jaqbilx ma’ ‘free vote’, u min ma jweġibx.

NET News kompla jieħu ir-reazzjonijiet ta’ aktar Deputati tal-Gvern (ara l-filmat hawn taħt), fosthom il-Ministru Michael Farrugia, li ddikjara li mhux il-Prim Ministru għandu jagħti ‘free vote’, iżda li għandu jkun il-Grupp Parlamentari Laburista li jiddeċiedi jekk id-Deputati tal-Gvern ikollhomx ‘free vote’ f’affarijet ta’ moralità.

“Dik hija d-deċiżjoni li trid tittieħed mill-Grupp Parlamentari. Fejn tidħol free-vote, dik hija deċiżjoni li l-Grupp Parlamentari jrid jieħu,” qal il-Ministru Michael Farrugia.

Il-Ministru Joe Mizzi b’verżjoni differenti fejn jagħti x’jifhem li m’għandux ikun hemm ‘free vote’ f’affarijiet ta’ moralità. “Aħna bħala grupp niddiskutu ‘frankly’, grupp magħqud, jiġifieri għandna l-pjattaforma fejn niddiskutu l-affarijiet b’mod demokratiku,” qal Joe Mizzi.

Ir-risposti ta’ Michael Farrugia u ta’ Joe Mizzi mhumiex l-uniċi reazzjonijiet għax fl-aħħar sigħat, NET News xandar verżjonijiet oħra ta’ Deputati oħra tal-Gvern dwar jekk Muscat għandux itihom ‘free vote’ f’affarijiet ta’ moralità.

Fost oħrajn, il-Ministru Owen Bonnici qal li r-risposta tiegħu “mhijiex iva jew le, imma parti iva u parti le”. Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima insista li l-Grupp għandu jmur quddiem il-Parlament “għal vot b’mod magħqud”. Il-Ministru Evarist Bartolo b’pożizzjoni kontra l-‘free vote’, meta qalilna li “Meta sempliċiment titlaq bil-‘free vote’, ifisser li inti għandek il-pożizzjoni tiegħek u jien għandi l-pożizzjoni tiegħi”. B’kuntlarju għal dawn kollha, il-Ministru Ian Borg injora l-mistoqsijiet ta’ NET News, u meta ffaċċjat bil-kameras, telaq minn fuq il-post.

Dawn il-verżjonijiet kollha differenti jikkuntrastaw bil-kbir mal-pożizzjoni maqgħuda tal-Partit Nazzjonalista mmexxija mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, li ddikkjara li fuq affarijiet ta’ moralità, se jingħata ‘free vote’, peress li f’affarijiet ta’ moralità, m’għandix tidħol il-politika tal-blu jew l-aħmar.

FILMAT: Deputati tal-Gvern b’verżjonijiet differenti dwar jekk għandhomx jingħataw ‘free-vote’ fuq affarijiet ta’ moralità