“Ir-relazzjoni ta’ bejnietna għandha tkun waħda fejn inħabbtu l-ħsibijiet biex jirbaħ il-poplu Malti u Għawdxi għal Malta aħjar”. Kien dan il-qofol tal-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fl-ewwel laqgħa li kellu mal-Prim Ministru Joseph Muscat.
Adrian Delia ntlaqa’ minn Muscat fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, bil-Kap tal-Partit Nazzjonalista jibgħat messaġġ ta’ għaqda, fl-interess tal-poplu kollu.
“Nittama li żgur tkun relazzjoni fejn jekk ħa nġelldu, ħa nġelldu l-ideat. Jekk ħa niddibattu, niddibattu l-ħsibijiet. Imma ħa jkun hemm rebbieħ wieħed: il-poplu Malti u Għawdxi kollu. L-Oppożizzjoni għandha dmir u obbligu li tkun hemmek, iebsa meta l-Gvern jiżbalja, imma kostruttiva mal-Gvern, j’Alla aħjar mill-Gvern, ħalli Malta ta’ għada tkun Malta aħjar,” qal Adrian Delia.
Adrian Delia wasal fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista għall-ħabta tas-6 ta’ filgħaxija, fejn ntlaqa’ minn membri tat-tmexxija tal-Partit Laburista. Fl-uffiċju tal-Mexxej Laburista, Adrian Delia ħa b’idejn il-Prim Ministru, u wara wieġeb xi mistoqsiiet tal-ġurnalisti preżenti, li staqsew lil Adrian Delia x’relazzjoni se jkollu mal-Prim Ministru, u x’politika se jħaddan.
“Bħala stat ta’ fatt, jiena llum m’għandi relazzjoni ta’ xejn, u għaldaqstant, nittama li jkolli relazzjoni aħjar minn dik li għandi llum,” żied jgħid il-Kap tal-Partit Nazzjonalista. “Il-politika tal-Partit Nazzjonalista mhux se tkun ibbażata fuq il-biża’, imma fuq it-tama. Mhux se tkun ibbażata fuq il-mibiegħda, imma fuq l-opportunitajiet li kapaċi nikkreaw għall-poplu Malti u Għawdxi kollu,” żied jispjega filwaqt li saħaq li jittama li dan kollu jgħin biex ikun hemm “kompetizzjoni tajba bejn il-partiti li qed jiġġieldu mhux biex jagħmlu ħsara lil xulxin, imma jtejjbu dawk l-ideat li eventwalment ħa jkunu ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini tagħna”.
Wara l-kummenti quddiem il-media, iż-żewġ mexxejja kellhom laqgħa privata, u aktar tard wara l-laqgħa, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ta r-reazzjoni tiegħu dwar l-eżitu tal-laqgħa li kien għadu kif kellu.
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li m’għandux ikun hemm affarijiet li jifirduna, u n-nuqqas ta’ qbil għandu jkun nuqqas ta’ qbil fuq ideat dwar fejn il-partiti jridu jieħdu lill-pajjiż.
//= $special ?>