Numru kbir ta’ għalliema tas-sewqan li għamlu kuntatt ma’ NET News esprimew ir-rabja tagħhom għal deċiżjoni ħabta u sabta meħuda minn Transport Malta, fejn twaqqfu milli jagħmlu x-xogħol tagħhom fir-‘rush hour’ ta’ filgħodu u ta’ waranofsinhar.
Ittra ffirmata mid-Deputat Chief Officer ta’ Transport Malta Sylvana Bartolo, l-għalliema tas-sewqan ġew infurmati li waqt laqgħa dwar l-immaniġjar tat-traffiku, mal-ftuħ tas-sena skolastika, intlaħaq ftehim biex ma jsir l-ebda tagħlim bejn is-7 ta’ filgħodu u d-9 ta’ filgħodu, u bejn it-3.30 ta’ waranofsinhar u s-6 ta’ filgħaxija.
“Qed tiġi avżat sabiex waqt dawn il-ħinijiet ma tinqabadx fit-toroq” tgħid l-ittra mibgħuta, mingħajr ma tispeċifika x’multi jeħlu dawk l-għalliema tas-sewqan li jinqabdu jgħallmu fil-ħinijiet indikati.
L-ittra ntbgħatet lill-għalliema tas-sewqan fil-25 ta’ Settembru, jiġifieri eżattament mal-bidu tas-sena skolastika, mingħajr ma ngħataw biżżejjed ċans biex jilħqu jagħmlu l-arranġamenti biex jaġġustaw mad-deċiżjoni ta’ Transport Malta.
Imma numru ta’ għalliema tas-sewqan li għamlu kuntatt ma’ NET News, esprimew rabja għal din id-deċiżjoni, li se taffettwahom ħażin ħafna.
“Nifhem li f’dawk il-ħinijiet ikun hemm ir-‘rush hour’, iżda m’għandux ibati l-ħaddiem,” qaltilna persuna partikolari li għamlet kuntatt ma’ NET News. “L-eżamijiet li jsiru f’dawn il-ħinijiet se jitwaqqfu wkoll?” żiedet tistaqsi l-istess persuna.
L-għalliema tas-sewqan spjegaw li huma jħallsu aktar minn €1,000 fis-sena f’liċenzji apposta biex ikunu jistgħu jgħallmu.
Bid-deċiżjoni ta’ Transport Malta, ma jista jsir l-ebda tagħlim, bl-ebda tip ta’ vettura, fit-toroq arterjali u distributorji. Jekk isir xi tagħlim fil-ħinijiet indikati, dan jista’ jsir biss f’parkeġġi jew spazji kbar ‘il barra mit-toroq arterjali jew distributorji.
//= $special ?>