Lokali

Il-Kap tal-PN jiltaqa’ mal-ħaddiema tal-Partit u ta’ media.link Communications

“Il-ħaddiema tal-Partit Nazzjonalista u l-ħaddiema tal-media tal-Partit hemm bżonn li ninvestu aktar fikom. Kull wieħed u waħda minnkom għandkom rwol differenti iżda vitali biex nimxu ‘il quddiem u nibqgħu nwasslu l-messaġġ tal-partit lin-nies ”

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fl-ewwel laqgħa li kellu, uffiċjali, mal-ħaddiema tad-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista u mal-ħaddiema tal-media tal-Partit.

Adrian Delia qal li japprezza li l-ħaddiema ltaqgħu miegħu u talli laqgħuh. Qal anke li jemmen li jrid isir titjieb bil-mod il-mod biex kulħadd fuq il-post tax-xogħol jiġi kuljum għal qalbu bil-lealta’ kollha lejn il-Partit kif jemmen li l-ħaddiema dejjem għamlu.

Hawn il-Kap tal-Partit rringrazzja lill-ħaddiema preżenti u anke lil dawk li ma setgħux jattendu għal-laqgħa, talli fiż-żmienijiet diffiċli li għadda minnhom il-partit u l-media tal-partit , baqgħu hemm u għamlu s-sagrifiċċji li kien hemm bżonn.

“Bħala Kap tal-Partit se nimpenja ruħi biex inżomm kuntatt magħkom fuq bażi regolari mhux biss bħala Kap tal-Partit, għaliex nemmen li bil-komunikazzjoni, meta nisimgħu u nifmhu lil xulxin anke jekk ma naqblux dejjem, se nimxu ‘il quddiem żgur għaliex inkunu ħloqna tim wieħed b’għan wieħed – li jkollna Partit Nazzjonalista b’viżjoni u li jerġa’ jkun fit-tmun tal-pajjiż” temm jgħid il-Kaptal-PN Adrian Delia