Il-konferma li l-Prim Ministru Ġappuniż, Shinzo Abe, sejjaħ elezzjoni sa sena qabel iż-żmien qed titqies, mill-analisti, bħala ‘il-mod tiegħu biex jiġġenera l-appoġġ popolari’ meta l-Gvern ilu x-xhur affettwat minn sensiela ta’ skandli u politika li ma niżlitx tajjeb mal-poplu.
Ir-rati tal-approvazzjoni għal Abe, f’nofs is-sajf, kienu niżlu għal taħt it-30 fil-mija iżda matul dan ix-xahar, irkupraw għal aktar minn 50 fil-mija.
Intant Abe qed jiċħad akkużi li ħatar ħbieb u persuni assoċjati għal pożizzjonijiet ta’ awtorità mingħajr attenzjoni jekk dawn humiex kwalifikati jew le. Fil-fatt, hu insista li d-deċiżjoni tiegħu biex, għada, ixolji l-Kamra t’Isfel tal-Parlament ma kenitx tentattiv biex jevita l-allegazzjonijiet.
Fl-istess ħin, Abe għamilha ċara li hu qed ifittex mandat ta’ poter ġdid biex jegħleb ‘kriżi nazzjonali’, fost it-theddida għar-reġjun mill-Korea ta’ Fuq komunista.
L-Oppożizzjoni Ġappuniża bħalissa tinsab għaddejja minn żmenijiet ta’ konfużjoni u waqt li Abe ma ffissax data konkreta għall-vot nazzjonali, l-istampa fil-Ġappun temmen li l-elezzjoni għandha ssir fit-22 ta’ Ottubru.
Shinzo Abe qed jinsisti bl-importanza għal ‘stimolu ġdid’ għall-programmi li jippreparaw lill-Ġappun għall-futur. Dan waqt li hu beħsiebu jkompli fit-triq tar-riforma fiskali.
Sadattant, Abe qed jipprova jibdel il-politika tad-difiża paċifista tal-Ġappun li ilha fis-seħħ minn wara t-Tieni Gwerra Dinjija. Abe, f’dan il-każ, qed isejjaħ għall-għarfien formali tal-militar fil-Kostituzzjoni tal-pajjiż.
Filwaqt li l-politika iebsa ta’ Shinzo Abe fil-konfront tal-Korea ta’ Fuq għenitu jirbaħ lura l-appoġġ mitluf, mistenni li l-kampanja elettorali tal-Partit Liberali Demokratiku (LDP) fil-Gvern jikkonċentra sew fuq il-politika soċjali tal-Ġappun.
Il-Partit Demokratiku – l-entità ewlenija fl-Oppożizzjoni – għadda minn perjodu partikularment diffiċli, f’Lulju, u bħalissa l-appoġġ għalih hu fqir ħafna.
Madankollu, Abe qed jiffaċċja sfida ġdida mingħand il-Gvernatur ta’ Tokjo, Yuriko Koike – eksmembru tal-LDP fil-Kabinett – li qed tifforma partit nazzjonali ġdid.
F’każ li jirbaħ din l-elezzjoni, Shinzo Abe għandu jerġa’ ikollu l-possibbiltà li jsir l-aktar mexxej politiku li qatt dam fil-kariga fl-istorja tal-Ġappun wara t-Tieni Gwerra.
//= $special ?>

