Is-servizz tal-messaġġi WhatsApp fiċ-Ċina, illum, kien qed ibati mill-intoppi u waqfien regolari, bl-awtoritajiet komunisti Ċiniżi qed jissikkaw il-kontrolli taċ-ċensura fil-ġimgħat qabel issir il-laqgħa kbira tal-Partit Komunista fil-Gvern.
It-tentattivi biex jiffunzjonaw sistemi tal-WhatsApp ġodda fuq xi telefons ċellulari taċ-Ċiniżi, illum, ħabbtu wiċċhom mal-problemi fil-forma ta’ error messages fuq in-netwerk. Ma naqsux, intant, rapporti dwar ‘id-diffikultajiet involuti fiċ-ċirkulazzjoni ta’ ritratti u filmati’.
L-awtoritajiet Ċiniżi qed jissikkaw il-kontrolli fuq il-midja soċjali bħala miżura qabel il-Kungress tal-Partit Komunista tax-xahar id-dieħel. F’dan il-Kungress, il-President taċ-Ċina, Xi Jinping, għandu jkun ikkonfermat bħala Mexxej tal-pajjiż għall-ħames snin li ġejjin.
Il-WhatsApp, li hu servizz ta’ Facebook, joffri aktar privatezza lill-abbonaturi Ċiniżi mis-servizzi domestiċi amministrati mill-Gvern ta’ Beijing. Intant, ir-regolaturi, fil-bidu tal-ġimgħa, kienu mmultaw il-kumpanija ewlenija WeChat u żewġ servizzi oħra tal-midja soċjali talli naqsu milli jinfurzaw iċ-ċensura bis-sħiħ.
Il-WhatsApp hu l-uniku prodott ta’ Facebook li qed jitħalla jiffunzjona fit-territorji taċ-Ċina. Dan meta, fiċ-Ċina, ma jiffunzjonawx is-servizz ewlieni għall-midja soċjali ta’ Facebook u l-app tal-Instagram.
Il-Kungress Nazzjonali tal-Komunisti Ċiniżi jsir kull ħames snin u mhux ċar jekk ir-restrizzjonijiet attwali għall-messaging service fiċ-Ċina għandhomx jonqsu, ’il quddiem, bħalma kien sar waqt il-kungressi tal-partit preċedenti. Fil-fatt, numru ta’ analisti jemmnu li din il-forma ta’ ċensura għandha tkompli għal żmien indefinittiv.
//= $special ?>

