Ix-Xatt tal-Punent illum inħakem mit-tensjoni u l-biża’ wara li tliet Iżraeljani qalgħu tiri fatali mingħand Palestinjan meta kienu qrib id-daħla għar-residenza ta’ Har Adara għal-Lhud. Ir-rapporti qalu wkoll tal-anqas persuna spiċċat midruba fl-isparatura.
L-aggressur responsabbli, li kien ġej minn villaġġ taz-zona, spiċċa wkoll maqtul meta sparaw għal fuqu l-pulizija li wieġbu għall-emerġenza. L-ewwel rapporti qalu li l-aggressur ħareġ arma waqt li kien qed jistenna biex jidħol fl-inħawi ta’ Har Adara flimkien ma’ ħaddiema oħra Palestinjani u fejn fetaħ in-nar fuq il-pulizija u l-membri tas-sigurtà madwaru. Il-mejtin fl-attakk kienu żewġ gwardjani u pulizija tal-fruntiera.
Il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, tkellem wara dwar l-inċident u waħħal id-dmija fil-Palestinjani ‘li qegħdin jinċitaw lin-nies tagħhom’. L-isparatura seħħet ukoll meta Jason Greenblatt, ir-Rappreżentant tal-Istati Uniti għal-Lvant Nofsani, kien qiegħed f’Ġerusalemm biex jistimola t-taħditiet għall-paċi bejn Iżrael u l-Palestinjani.
L-ebda grupp ta’ Palestinjani militanti ma ħa responsabbiltà għall-attakk, għalkemm il-movimenti tal-Hamas u l-Jihad Iżlamiku kellhom kliem ta’ tifħir għall-aggressur. Ir-raġel armat kellu l-permess biex jaħdem fir-residenzi għal-Lhud fil-limiti tax-Xatt tal-Punent.
Minn Ottubru tal-2015 sal-lum mietu tal-anqas 50 Iżraeljan u ħames barranin waqt sensiela ta’ inċidenti vjolenti, fosthom sparaturi, f’Iżrael u l-artijiet okkupati. Fl-istess perjodu mietu wkoll madwar 300 Palestinjan, bl-Iżraeljani jirreferu għal dawn il-Palestinjani bħala aggressuri responsabbli mill-vjolenza. Fl-aħħar xhur inqatlu wkoll numru ta’ Palestinjani waqt konfronti diretti mat-truppi ta’ Iżrael.
//= $special ?>

