L-eks Uffiċjal tal-Financial Intelligence Analyis Unit (FIAU) Jonathan Ferris sostna quddiem it-Tribunal Industrijali li tilef il-fiduċja fl-organizzazzjoni u fil-persuni li jmexxuha.
F’Affidavit ippreżentat fil-Qorti, Jonathan Ferris irrakkonta kif lejn tmiem it-tmien xhur fl-FIAU, kien wasal biex anke jsakkar il-bieb tal-uffiċċju tieħu meta jmur sal-kamra tal-banju. Ferris kien informat li l-impjieg tiegħu mal-FIAU kien ġie terminat fil-perjodu tal-‘probation’ bla ma ngħata raġuni.
Dan seħħ jiem wara li l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna kien staqsa kif numru ta’ rapporti investigattivi dwar iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri kienu ħarġu fil-pubbliku.
Jonathan Ferris fakkar kif is-sitwazzjoni tiegħu fl-FIAU bdiet sejra lura wara li kienet ippubblikata l-istorja dwar il-Whistleblower Russa, fejn kien allegat li l-kumpanija Egrant hi tal-mara tal-Prim Ministru. Skont il-Whistleblower Russa, f’din il-kumpanija kienu trasferiti miljun dollaru mit-tifla tal-President tal-Ażerbajġan.
Jonathan Ferris qal li hu kien ipprova jinvestiga l-mod kif ħarġu r-rapporti, iżda rriżulta li s-sistema tal-FIAU kienet aċċessibbli għal kull analista minħabba li kien hemm ‘password’ sempliċi.
//= $special ?>