Internazzjonali

‘Koppja ta’ kannibali’ fir-Russja tammetti għall-qtil ta’ 30

 

Koppja – mara u raġel – li kienu arrestati fuq każ ta omiċidju fil-belt Russa ta’ Krasnodar ammettew li qatlu sa 30 persuna.

Dmitry Baksheev u martu, Natalia, qed ikunu mlaqqmin bħala ‘il-koppja tal-kannibali’ u skont ir-rapporti, huma kienu arrestati wara s-sejba ta’ katavru mbiċċer fl-inħawi tal-akkademja militari fejn huma għandhom ir-residenza tagħhom.

Il-Pulizija kkonfermat li numru ta’ oġġetti tal-ikel u l-laħam li nstabu f’dik ir-residenza qed ikunu eżaminati għad-DNA tal-bnedmin.

Ir-rapporti rreferew ukoll għal telefon ċellulari li nstab aktar kmieni fix-xahar minn ħaddiema tat-triq u li fuqu nstabu ritratti grafiċi ta’ partijiet tal-ġisem imbiċċrin.

Skont ir-rapporti, il-katavru mbiċċer li allegatament kien elevat mill-inħawi tal-akkademja hu ta’ mara, bl-awtoritajiet isibu wkoll bagalja bl-affarijiet personali tal-vittma.

Il-Ministeru għall-Intern Russu, intant, ikkonferma li raġel li jidher fuq ir-ritratti miżmumin fuq it-telefon ċellulari ‘kien identifikat u arrestat’.

Il-Pulizija li fittxew fid-dar tal-‘kannibali’ sabu numru ta’ partijiet tal-iġsma, li wħud minnhom kienu preservati fi fliexken. Membri tal-Kumitat Investigattiv fit-territorju ta’ Krasnodar ikkonfermaw ukoll is-sejba (fil-kċina tad-dar) ta’ ‘biċċiet tal-laħam iffriżati ta’ oriġini mhix magħrufa’. Dawn kienu għaddejjin mill-provi forensiċi li kellhom jiddeterminaw jekk il-biċċiet humiex tal-bnedmin inkella tal-annimali.

L-istampa Russa qed tgħid li ritratti li nstabu fuq it-telefon ċellulari u anki fl-‘appartament tal-mewt’ jistgħu jissuġġerixxu li l-qtil tal-vittmi taħt idejn il-koppja jista’ imur lura kważi 20 sena.