Il-ħajja ta’ persuna hija imprezzabbli u bħala politiċi għandna nagħmlu dak kollu possibbli biex nipproteġuha. Dan qalu l-Kelliem għall-Ekonomija Claudio Grech meta kien qiegħed jippreżenta Private Member’s Bill lill-Ispeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia, li permezz tiegħu huwa propost li jiddaħħal fil-Liġi Maltija l-kunċett magħruf internazzjonalment bħala ‘Leġiżlazzjoni tas-Samaritan it-Tajjeb’. Din il-liġi tiprovdi biex f’każ li persuna tgħin persuna oħra li tinsab f’periklu u min jiprovdi l-għajnuna jagħmel xi forma ta’ dannu lill-persuna fil-periklu, tal-ewwel jiġi protett kemm fuq bażi ċivili kif ukoll kriminali. Madankollu dan ma jeżonorax persuna li taġixxi b’negliġenza fil-provistà tal-imsemmija għajnuna.
“L-għan ta’ din il-liġi huwa li ma jkunx hemm min joqgħod lura milli jagħti l-għajnuna lil persuna li tinsab f’periklu sempliċiment għaliex ikun qiegħed jibża’ li jesponi ruħu għal danni jew prosekuzzjoni kriminali bħala riżultat talli pprovda l-għajnuna fl-ewwel lok,” spjega Claudio Grech waqt il-preżentazzjoni.
Il-kunċett legali tas-‘Samaritan it-Tajjeb’ jinstab fil-qafas legali ta’ numru kbir ta’ pajjiżi u għalkemm ittrattat b’mod differenti skont is-sistema legali wżata fil-ġuriżdizzjoni rispettiva, f’kull każ, l-interess ewlieni huwa li ma jkunx hemm xkiel legali biex persuna tiddeċiedi li ssalva persuna li qiegħda f’periklu ċar. Il-mudell propost fil-Private Member’s Bill imressaq mill-Oppożizzjoni jipprovdi biex jiddaħħal dan il-kuncett permezz tal-‘Att dwar is-Samaritan it-Tajjeb’ li jipprovdi għal tlett artikli ġodda fil-Liġijiet tagħna:
– Tingħata protezzjoni minn prosekuzzjoni kriminali lill-persuna li tagħti l-għajnuna tagħha lil persuna li tkun f’periklu ċar u imminenti.
– Tingħata protezzjoni minn danni ċivili lill-persuna li tagħti l-għajnuna tagħha lil persuna li tkun f’periklu ċar u imminenti.
– Persuna li tagħti l-għajnuna tagħha lil persuna li tkun f’periklu ċar u imminenti tkun tista’ titlob li titħallas tad-danni li sofriet jekk l-inċident ikun ikkawżat minn azzjoni tal-persuna li kienet fil-periklu stess.
Minn naha tiegħu, l-Kelliem għas-Saħħa Stephen Spiteri saħaq li din il-proposta leġiżlattiva għandha l-intenzjoni ewlenija tagħha li tipproteġi lil dawk il-persuni li volontarjament jidħlu għal persuna oħra li tkun f’riskju jew fil-periklu li titlef ħajjitha. Dawn il-bidliet leġiżlattivi se jwasslu biex persuni b’ħiliet fil-qasam tas-saħħa li ma jkunux fuq xogħol ma jkollhomx detterrent biex jagħtu l-għajnuna tagħhom.
Il-Kelliema għall-Edukazzjoni Therese Comodini Cachia qalet: “Din il-liġi se ssaħħaħ l-impenn ċivili u tipproteġi lil min ma jgħalqax għajnejh quddiem dawk li għandhom bżonn l-għajnuna. Għaliex għandna nitfgħu responsabbiltà legali kbira fuq għalliema li jiġu affaċjati bi tfal li jkunu weġġgħu l-iskola, minflok li nagħmlu bil-maqlub u nippremjaw lil dawk l-għalliema li jieħdu l-inizjattiva u jagħtu lil dawn it-tfal l-ewwel għajnuna li jeħtieġu? Din il-liġi se tipproteġi lil dawk li jsibuha diffiċli biex jinjoraw lil xi ħadd li jkun weġġa’ u li jkollu bżonn l-għajnuna mmedjata. Se tipproteġi lil dawk li jgħinu lil min huwa fil-bżonn.”
Fil-ġimgħat li ġejjin, l-Oppożizzjoni se tkun qed tikkonsulta ma’ dawk li għandhom interess dirett f’din il-leġiżlazzjoni bħalma huma membri tal-forzi tal-ordni, tal-protezzjoni ċivili, unions fil-qasam tas-saħħa u l-edukazzjoni kif ukoll għaqdiet volontiera li huma involuti fis-salvataġġ u l-ewwel għajnuna.
Preżenti għall-preżentazzjoni tal-abbozz ta’ liġi kien hemm il-Viċi Kap tal-PN għall-ħidma fil-Parlament Mario de Marco il-Whip tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista David Agius.
//= $special ?>