Lokali

Manuvri biex John Bundy jitneħħa minn Chief Executive tal-PBS

Il-Ministeru tal-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, li hu responsabbli wkoll mill-Public Broadcasting Services (PBS), għaddej b’manuvri mgħaġġla biex ineħħi lil John Bundy minn Chief Executive Officer tal-Public Broadcasting Services.

Sorsi li lbieraħ tkellmu ma’ In-Nazzjon fissru li din il-mewġa ġdida ta’ attakk fuq John Bundy mill-Ministeru ta’ Owen Bonnici għandha l-iskop li llum qabel għada, John Bundy jitneħħa mill-kariga li jokkupa biex minfloku titpoġġa persuna oħra li magħha l-Ministru Owen Bonnici jħossu komdu li jaħdem.

Hu sigriet magħruf li ma tantx hemm kemistrija pożittiva bejn il-Ministru Owen Bonnici u John Bundy, li iżda min-naħa tiegħu jgawdi ħafna appoġġ minn Kastilja.

F’din it-tug of war bejn Owen Bonnici u Kastilja jidher li se jiddaħħal jiżżeffen fin-nofs il-Bord tal-Public Broadcasting Services, li wkoll fih hemm elementi li huma kontra John Bundy li ma jħossuhomx komdi jaħdmu miegħu.
Is-sorsi li tkellmu ma’ In-Nazzjon fissru li r-raġunijiet li se jinġiebu biex John Bundy jintemmlu l-kuntratt ħesrem huma marbuta ma’ nfiq mhux awtorizzat u ħlasijiet ta’ pagamenti.

Madankollu jirriżulta bl-aktar mod ċar li l-vera raġuni għaliex John Bundy hu fil-mira li jitwarrab hi biex il-Gvern ikollu kontroll assolut tal-PBS u mingħajr ma ħadd ma joġġezzjona għall-mod kif jitmexxa l-istazzjon nazzjonali.

Diġà In-Nazzjon ftit ilu żvela kif is-salarji fil-PBS splodew minn €2 miljun f’Settembru tal-2012 għal €3.2 f’Settembru tal-2016. Dan ifisser qabża ta’ €1.2 miljun.

Sadattant, il-PBS għandu dovuti lil diversi kumpaniji li jipprovdu servizzi u produzzjonijiet ħlasijiet li jammontaw għal għexieren ta’ eluf ta’ ewro.

Fil-frattemp, bħalissa l-PBS qed jagħmel eżerċizzju ta’ tnaqqis ta’ ħlasijiet – f’ċerti każi tnaqqis ta’ 20% – biex jipprova jikkontrolla l-infiq tiegħu.

Madankollu meta dan l-aħħar Reno Bugeja kien konfermat Kap tat-Taqsima tal-Aħbarijiet, tħalla jgawdi l-pakkett extravakanti li kien ingħata fl-2013 meta l-Partit Laburista kien ħatru fit-Tmexxija tal-istazzjon tal-Istat.

Sorsi fil-PBS li f’dawn il-jiem tkellmu ma’ In-Nazzjon qalu li għadd ta’ persuni fil-PBS bħalissa huma protagonisti fil-mod kif qed jiġġieldu u jirsistu biex jisfruttaw favur tagħhom il-wiegħda elettorali Laburista li “l-aqwa żmien għadu ġej”.

Wara li ftit ilu, Owen Galea rriżenja mill-kariga ta’ Junior Manager mal-PBS fejn kien responsabbli mis-sit elettroniku, biex mar imexxi l-Kamra tal-Aħbarijiet tal-media tal-Partit Laburista, issa fil-PBS kien hemm ġlieda sfrenata għal din il-vakanza.

Naturalment, l-għażla waqgħet fuq Norma Saliba biex teħodlu postu.

Sorsi fil-PBS qalu lil dan il-ġurnal li hekk kif internament sar magħruf b’dawn il-manuvri biex Norma Saliba terġa’ tkun aġevolata, faqqgħet ir-riżenja ta’ Rachel Baldacchino li kienet ġurnalista fis-sit elettroniku tal-istazzjon.
Dan għaliex Rachel Baldacchino, li marret mal-Malta Communications Authority, wkoll stenniet u ppretendiet li kellha tieħu post Owen Galea.  Rachel Baldacchino kienet daħlet fil-PBS b’paga ħafna aktar minn dawk li kienu ilhom hemm snin kbar u l-kollegi sħabha kienu se jdaħħlu lill-PBS il-Qorti.

Issa ftit tal-jiem ilu faqqgħet riżenja oħra mill-PBS… riżenja oħra mis-sit elettroniku, din id-darba minn Rachel Vella, li hi n-neputija ta’ Paul Vella, li hu membru fil-Bord tad-Diretturi, u li ġiet impjegata mal-Arts Council taħt Albert Marshall.

Is-sorsi li tkellmu ma’ dan il-ġurnal qalulna wkoll li fil-PBS għadha tinħass ċerta rabja għad-deċiżjoni tal-Gvern li jġedded il-kuntratt ta’ Reno Bugeja bħala l-Kap tat-Taqsima tal-Aħbarijiet meta dan suppost li irtira bl-età. Ftit tal-ġimgħat ilu, Reno Bugeja kien ikkonfermat fil-kariga tiegħu għal sentejn oħrajn. Din il-konferma, il-Gvern għamilha billi uża l-mekkaniżmu tal-Bord tad-Diretturi u hekk Reno Bugeja se jkompli jmexxi l-Kamra tal-Aħbarijiet tal-PBS għas-sentejn li ġejjin.

Iżda membri fil-PBS iddeskrivew din il-konferma bħala waħda inġusta magħhom għaliex dawk li kienu qed jaspiraw li jimxu ’l quddiem fil-karriera tagħhom, issa sabu ħajt ma’ wiċċhom.

Reno Bugeja, li ilu jaħdem fil-PBS sa mill-bidu tas-snin tmenin u kien inħatar bħala l-Kap tat-Taqsima tal-Aħbarijiet wara r-rebħa Laburista fl-Elezzjoni Ġenerali tal-2013, igawdi pakkett finanzjarju ta’ aktar minn €50,000 fis-sena.  Barra minn hekk, hu jirċievi mal-€400 kull ġimgħa għall-programm ‘Dissett’.

Minkejja li l-PBS dan l-aħħar iddeċieda li jnaqqas il-ħlasijiet għall-programmi u l-produzzjonijiet li jixtri, Reno Bugeja jidher li se jkun qed iżomm l-istess pakkett ta’ kundizzjonijiet li kellu.

Sorsi li tkellmu ma’ dan il-ġurnal fissru li hemm kumpaniji li pproduċew servizzi lill-PBS li fadlilhom l-eluf tal-ewro x’jitħallsu għas-servizzi li pprovdew lill-istazzjon nazzjonali.

Minkejja li l-istazzjon nazzjonali jirċievi madwar €4 miljun fi grants, skont l-aħħar statistika uffiċjali jidher li l-PBS għalaq is-sena finanzjarja tiegħu b’telf ta’ aktar minn €1.2 miljun. Waħda mill-ispiżi kbar li għandu l-PBS hi dik marbuta mal-ħruġ tas-salarji, li issa tammonta għal €3.2 miljun f’Settembru tal-2016 minn €2 f’Settembru tal-2012.