Lokali Qorti

Membru ta’ Birdlife mhux ħati li daħal f’art privata

Il-Preżentatur tal-BBC Chris Packham, li kien f'Malta biex jiġbed dokumentarju

Membru tal-Għaqda Birdlife Malta kien liberat mill-Qorti wara li ma nstabx ħati li daħal f’art privata.

Il-każ imur lura għall-2014 meta Nimrod Mifsud, ta’ 32 sena residenti fil-Gżira, kien qed jakkumpanja lill-preżentatur Ingliż tal-BBC Chris Packham (ritratt) li kien qed jiġbed dokumentarju dwar il-kaċċa fuq l-għasafar li jkunu qed ipassu.

Fit-23 ta’ April, crew ta’ Packham, akkumpanjati mill-akkużat marru fil-Miżieb. Il-Qorti semgħet kif il-grupp uża dejjem mogħdijiet u fl-ebda ħin ma fetħu xi kanċelli jew qabżu ħitan. Madanakollu il-crew kienu kkonfrontati minn żewġ kaċċaturi u l-inċident kompla eskala tant li kellha tintervjeni il-Pulizija.

Xehed fil-każ il-Kap Eżekuttiv tal-Federazzjoni tal-Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti li sostna li bis-saħħa ta’ ftehim iffirmat fl-1986 mal-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Karmenu Mifsud Bonnici, l-art fil-Miżieb u l-Aħrax kienet għall-użu esklussiv tal-kaċċaturi meta l-istaġun ikun miftuħ.

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Charmaine Galea, iddikjarat li l-Prosekuzzjoni naqset milli ġġib prova li l-akkużat indaħal fil-pussess tal-art u lanqas ma kien ippruvat li ż-żewġ kaċċaturi involuti fl-argument, Kenneth Sciberras u Robert Booker, kellhom il-pussess esklussiv tal-mogħdija fejn kien il-crew.

Il-Qorti qalet ukoll li ma ġiex ippruvat li Mifsud kien qed jiġbed xi filmati. Hu kien biss qed jakkumpanja l-crew ta’ BBC. Lanqas ma kien ippruvat li l-kaċċaturi in kwistjoni kienu mċaħħda mill-pussess tagħhom skont il-ftehim.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Nikolai Sant filwaqt li l-Avukat Stephen Tonna Lowell deher għall-akkużat. L-Avukat Kathleen Grima dehret parte civile għall-FKNK