Arsenal telgħu jokkupaw is-seba’ post fil-Premiership Ingliż wara li lbieraħ,fl-Emirates Stadium, kisbu rebħa ta’ 2-0 kontra West Bromwich Albion.
Kien fl-20 minuta meta wasal l-ewwel gowl tal-partita. Il-gowlkiper ta’ WBA Ben Foster salva tajjeb free kick dirett ta’ Sanchez imma mir-rebound kien l-attakkant LACAZETTE li sab ix-xibka.
WBA marru ferm viċin li jġibu d-draw meta fit-38 minuta Nacho Monreal ikklirja ballun minn fuq il-linja.
Fis-66 minuta Arsenal għamluhom tnejn u reġa’ kien LACAZETTE li skurja minn penalty li kien ingħata għal fawl ta’ Nyom fuq Ramsey.
Minkejja t-telfa, l-partita kienet waħda speċjali għall-midfielder ta’ West Brom Gareth Barry. Dan għaliex hu sar l-aktar plejer li qatt lagħab partiti fl-istorja tal-Premiership għax il-logħba kontra l-Gunners kienet is-633 dehra tiegħu fl-ogħla diviżjoni Ingliża.
Hu kien għamel id-debutt tiegħu meta kien għad kellu 17-il sena fil-partita bejn Aston Villa u Sheffield Wednesday. Ir-rekord preċedenti kien f’idejn l-eksplejer leġġendarju ta’ Man Utd Ryan Giggs.
//= $special ?>