“Id-deċiżjoni li ma nibqax Membru Parlamentari Nazzjonalista ma kinetx waħda faċli. Jien inħobb il-politika u ħdimt ħafna biex irbaħt siġġu fil-Parlament. Għamilt sagrifiċċji kbar biex ilħaqt il-miri tiegħi, u għalhekk li issa nċedi dan is-siġġu għalija kienet deċiżjoni kbira ħafna.
“Iżda fhimt tajjeb li kemm-il darba verament kelli għal qalbi l-interessi veri tal-Partit, allura ħtieġli li nħares lejn il-veru interessi tal-Partit aktar milli lejn l-interessi tiegħi. U l-interessi tal-Partit f’dan il-mument partikulari huma li jkollna lil Adrian Delia Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista.
“Fhimt ukoll li jien stajt noffri s-siġġu parlamentari tiegħi u dan iservi ta’ żblokk għal din is-sitwazzjoni. U għalhekk, għall-ewwel darba nhar is-Sibt waranofsinhar, offrejt is-Siġġu Parlamentari tiegħi lil Adrian Delia, li nħasad bl-offerta tiegħi, iżda apprezza bil-ferħ il-ġest li kont qiegħed nagħmel. Ġest li jien kont qiegħed nagħmlu minn qalbi għaliex tassew għandi għal qalbi l-veru ġid tal-Partit.”
Din l-istqarrija għamilha lbieraħ filgħodu Jean Pierre Debono, l-Assistent Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, li nhar il-Ħadd tard waranofsinhar mar fil-bini tal-Parlament fil-Belt Valletta biex uffiċjalment ippreżenta r-riżenja tiegħu minn Membru Parlamentari Nazzjonalista u hekk seta’ jiskatta l-proċess għall-elezzjoni każwali fis-Seba’ Distrett.
Ma’ Jean Pierre Debono ltqajt fl-Uffiċċju tiegħu fid-Dar Ċentrali u bdejt biex staqsejtu jekk fl-2017 kienx qiegħed jikkontesta l-elezzjoni ġenerali erba’ snin tard. Jean Pierre Debono qal li dwar l-elezzjoni ġenerali tal-2013, hu kien ġie avviċinat minn Simon Busuttil, li kien delegat tal-Kap tal-Partit, biex jikkontesta l-elezzjoni ġenerali u kien ħeġġu biex jibda jaħdem fid-Distrett.
Hu qal li dakinhar kien beda jaħdem u beda jorganizza wkoll xi attivitajiet soċjali għan-nies tad-Distrett. Iżda kien ġara li l-Partit kien għabbih ukoll bir-responsabbiltà tal-Uffiċċju Elcom, u dan minbarra li kien jokkupa wkoll il-kariga ta’ Assistent Segretarju Ġenerali.
Dan kollu kien ifisser li hu kien mgħobbi b’piż kbir, u għalhekk ħass li kellu jiddeċiedi x’kellu jagħmel… u finalment fittex l-interess tal-Partit u ma kienx ikkontesta dik l-elezzjoni ġenerali biex għen lill-Partit b’mod aktar dirett.
Wara, kompla Jean Pierre Debono, il-Partit kien tilef dik l-elezzjoni u mill-ġdid Simon Busuttil kien avviċinah biex jaħdem fis-seba’ distrett elettorali. “Iżda issa ċ-ċirkostanzi kienu nbidlu għaliex issa kelli l-mara tiegħi deputat fuq id-disa’ distrett. Barra minn hekk, fil-familja ġiet l-ewwel wild, u għalhekk ma kienx faċli għalija biex nikkontesta l-elezzjoni ġenerali. Kien biss f’Settembru li għadda – jiġifieri bħal dan iż-żmien sena – li b’riżultat ta’ pressjoni li kompliet issir fuqi biex nikkontesta l-elezzjoni ġenerali, aċċettajt li nibda naħdem fid-Distrett.”
Jean Pierre Debono qal li minn dak li ġara fl-2013 ħareġ ċar li hu kien għażel l-istampa l-kbira… dik ta’ x’kien jaqbel l-aktar lill-Partit Nazzjonalista aktar milli x’kien jaqbel lilu personalment, anki jekk kien hemm probabbiltà kbira li dakinhar hu kien jiġi elett ukoll.
Imbagħad waslet l-elezzjoni ta’ din is-sena, u hu kkontesta għall-ewwel darba u mar tajjeb ħafna tant li kien elett, u dan minkejja li fl-istess Distrett ikkontestaw persuni ta’ stoffa kbira, fosthom il-Viċi Kap tal-Partit.
Mistoqsi dwar l-esperjenza tal-Parlament, Jean Pierre Debono qal li din hi waħda sabiħa ħafna. Kelli l-opportunità li nagħmel sa issa żewġ diskorsi, wieħed dwar id-dekasteru tad-Dawl u l-Ilma u ieħor b’risposta għad-Diskors tal-President fil-ftuħ tal-Parlament. “Ippreparajt ħafna għalihom u wara li għamilthom kont sodisfatt ħafna, aktar u aktar meta dwar id-diskors dwar ir-Rapport Annwali tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma kelli nagħmel diskors ta’ aktar minn siegħa, u dan kien l-ewwel diskors tiegħi fil-Parlament. Dak id-diskors kien magħmudija tan-nar, iżda kont sodisfatt ħafna bir-riċerka u l-istudju li kont għamilt għal dak id-diskors partikolari.”
Hu kompla li mbagħad kellu l-opportunità li jagħmel numru ta’ mistoqsijiet supplimentari dwar id-dekasteru tad-dawl u l-ilma waqt il-ħin tal-mistoqsijiet fil-bidu ta’ waħda mis-seduti.
Hawnhekk id-diskors dar dwar x’ġara nhar is-Sibt li għadda. U Jean Pierre Debono fisser li fl-ebda stadju u fl-ebda ħin hu ma kien qiegħed jikkunsidra li jirriżenja mill-Parlament.
“Dwar dan kollu nħarġu ħafna stejjer spekulattivi u mhux veritieri, u llum nista’ niċħad bil-qawwa kollha li jien qatt ma kelli xi ftehim ma’ Adrian Delia li kemm-il darba jsir il-Kap tal-Partit jien kont se nċedilu posti fil-Parlament.
“Mhux biss qatt ma kien hemm dan il-ftehim, iżda niċħad li xi darba qatt tkellimna dwar din il-possibbiltà. Kien biss nhar is-Sibt li għadda li minn jeddi ċempiltlu u għedtlu biex niltaqgħu, u hu qalli biex immur narah kmieni s-Sibt waranofsinhar.
“Fil-fatt mort għal din il-laqgħa u jien għedtlu li kont lest inċedi posti fil-Parlament biex hu jkun jista’ jieħu dan is-siġġu u jkun ukoll il-Kap tal-Oppożizzjoni. Dan wara li l-kandidati fuq is-seba’ distrett bdew jgħidu li kemm-il darba jkun hemm xi deputat mid-distrett li kien lest li jċedi s-siġġu tiegħu, allura huma kienu se jikkollaboraw biex dak is-siġġu parlamentari jgħaddi direttament lill-Kap tal-Partit.
“Nista’ ngħidlek li l-offerta tiegħi, il-Kap laqagħha bħala ħasda għaliex ma kienx qiegħed jistenna lil xi ħadd b’din l-offerta. Jien għedtlu li l-kunsillieri kienu vvutaw għalih. Għedtlu li anki t-tesserati kienu vvutaw għalih u allura ma kienx jagħmel sens li hu wkoll ma jkollux is-siġġu parlamentari bħala l-Kap tal-Oppożizzjoni.
“Jien għedtlu li dan il-pass kont qiegħed nieħdu għaliex ridt nara żblokk f’dan ir-rigward u ħassejt li kelli nċedi s-siġġu tiegħi għall-ġid tal-Partit.
“Nassigurak li ma tlabtu assolutament xejn lura għal dan il-ġest tiegħi u għedtlu biss li dan il-pass kont qiegħed nagħmlu minn qalbi u fl-aħjar interess u ġid tal-Partit. Nista’ ngħidlek ukoll li l-Kap apprezza ħafna l-offerta tiegħi.”
Nista’ ngħidlek li dan il-pass tiegħi bl-ebda mod ma għandu x’jaqsam ma’ dak li ngħad dwar prokuri dwar ġbir ta’ dokumenti tal-voti ta’ tesserati tal-Partit Nazzjonalista, u fl-istejjer li ġew ippubblikati dwar dan ingħadu ħafna ineżattezzi biex ma ngħidx ukoll gideb mill-aktar serji fil-konfront tiegħi.
“Saħansitra jien nibqa’ perpless quddiem il-fatt li rapport intern tal-Kummissjoni Elettorali spiċċa għand sezzjoni tal-midja… u dan meta jien lanqas biss għandi kopja ta’ dan ir-rapport… tassew inaċċettabbli li jsiru affarijiet bħal dawn.”
Lura għad-diskors dwar id-deċiżjoni li jċedi s-siġġu parlamentari tiegħu, Jean Pierre Debono qal li l-unika persuna li hu ddiskuta magħha din id-deċiżjoni kienet il-mara tiegħu, li min-naħa tagħha qaltlu li kull deċiżjoni li hu kien se jieħu, kien se jsib l-appoġġ totali tagħha.
Jean Pierre Debono qal li dwar dan il-pass tiegħu sab ftit reżistenza minn ommu u mill-kunjata, u dan minħabba li jafu tajjeb is-sagrifiċċji kbar li hu u l-mara tiegħu għamlu tul il-kampanja elettorali. “Madankollu żgur li jifhmu li dak li għamilt, għamiltu għaliex tassew inħobb lill-Partit, li hu ferm akbar minni u minn kull persuna oħra. Dawn huma l-mumenti meta wieħed juri bl-aktar mod konkret kemm il-Partit ikun għal qalbu.”
Hu kompla li seta’ jiżvela miegħi li qablu kien hemm Hermann Schiavone li kien lest li jċedi s-siġġu parlamentari tiegħu, u dan wara li kien ilu mat-30 sena jipprova jkun deputat parlamentari. Madankollu kien hemm xi problemi oħrajn u Hermann Schiavone ma setax ikun hu li jċedi postu.”
Hu kompla li issa li rriżenja minn membru parlamentari jħares ’il quddiem biex jara lill-Partit Nazzjonalista jqum fuq saqajh u jerġa’ jibda jikber.
“Nhar il-Ħadd stess tajt ir-riżenja tiegħi minn membru parlamentari u issa jiskatta l-proċess biex issir l-elezzjoni każwali. Wara jrid jitlaqqa’ l-Eżekuttiv tal-Partit biex issir il-co-option, u hekk wieħed jimmaġina li hekk kif mhux se jkun hemm diffikultà mal-kandidati fuq is-seba’ distrett, hekk ukoll ma għandux ikun hemm diffikultà fl-istruttura interna tal-Partit – l-Eżekuttiv – biex isir l-eżerċizzju tal-co-option.”
Mistoqsi dwar il-futur tiegħu u jekk jerġax ’il quddiem jitfaċċa fil-Parlament, Jean Pierre Debono temm billi qal li hu l-politika jħobbha ħafna.
“Jien ħriġt għall-elezzjoni skont fejn talbuni u bl-iskop waħdani li nservi. X’jiġri ’l quddiem, il-Bambin biss jaf… iżda nassigurak li jekk il-Partit iħoss li jien ikolli rwol fi ħdanu bħala membru parlamentari, allura mill-ġdid inkun dispost li nagħmel kull ħidma possibbli biex nerġa’ nkun membru parlamentari.
//= $special ?>