Futbol Sport

Harry Redknapp ma jeskludix li jirritorna jmexxi klabb

Harry Redknapp tkeċċa minn manager ta' Birmingham fl-aħħar jiem

Harry Redknapp ħalla l-possibbiltajiet miftuħa dwar impjieg ieħor fil-futbol wara li tkeċċa minn ma’ Birmingham. Il-manager ta’ 70 sena rnexxielu jsalva lil Birmingham mir-relegazzjoni għal League 1 l-istaġun li għadda, meta daħal fl-aħħar tliet logħbiet tal-kampjonat. Iżda l-kuntratt tiegħu kien terminat wara 10 logħbiet fl-istaġun il-ġdid.

Redknapp li fil-passat mexxa lil Tottenham, West Ham and Portsmouth u fil-bidu kien ta ħjiel li Birmingham se jkun l-aħħar klabb li jmexxi, iżda issa indika li jista’ jkun imexxi klabb ieħor jekk tasal l-opportunità t-tajba.

Birmingham iffirmaw 14-il plejer fis-suq tat-trasferimenti hekk kif Redknapp beda jipprova jibni tim li jisfida biex jirbaħ il-promozzjoni, u xorta għadu jemmen li seta’ jikseb suċċess.

“Kelli ambizzjonijiet kbar għal dan il-klabb din is-sena u naħseb li kieku kelli ż-żmien kont nilħaq l-ambizzjonijiet. Iż-żmien ma kienx hemm imma trid tibqa’ għaddej. Nixtieq inkun x’imkien ieħor. Naħseb li hemm tim tajjeb u ma naħsibx li jkunu bogħod mill-play-offs. Dik hi l-opinjoni onesta tiegħi,” qal Redknapp.

Lee Carsley ħa t-tmexxija temporanja tat-tim fejn kisbu l-ewwel punt f’sitt logħbiet, bi draw ta’ 1-1 kontra Derby. Redknapp ma kienx irnexxielu jgħaqqad l-iskwadra l-ġdida qabel ħalla l-klabb, b’Carl Jenkinson iweġġa’ spalltu fid-debutt filwaqt li Jota li kien akkwistat b’rekord tal-klabb, ingħaqad ma’ Isaac Vassell u Che Adams fuq il-lista ta’ plejers imweġġgħin.