Ekonomija Lokali

Ittra anonima twassal informazzjoni dwar kumpanija Maltija li tevita t-taxxa

Ittra anonima waslet għand spetturi mid-dipartiment tat-taxxa fejn din kellha informazzjoni ddettaljata dwar allegazzjoni serja ta’ frodi minn kumpanija stabbilita’ Maltija – bi skop li tevadi t-taxxa tal-VAT.

Stqarr dan artiklu ppublikat mill-gazzetta The Times of Malta, fejn skont sorsi mid-dipartiment tal-VAT, l-ittra anonima u dettaljata spjegat kif din il-kumpanija kkonċernata kienet qed tevadi t-taxxa bl-użu ta’ sistema ġdida ta’ software u kif ukoll metodi oħrajn biex tevadi mal-eluf tal-ewro kuljum.

Skont dawn l-istess sorsi mid-dipartiment tat-taxxa, huma jirċievu ittri anonimi mal-medda taż-żmien, iżda dawn ikunu normalment mingħajr ħafna dettalji u bi ftit informazzjoni. “Din l-ittra li rċivejna hi differenti, hekk kif id-dettall li tidħol fih turi elementi ta’ verita’ – u għalhekk din l-ittra qed tittieħed b’serjeta’ kbira” – stqarru dawn l-ispetturi mid-dipartiment tat-taxxa.

Sorsi oħrajn li tkellmu ma’ The Times of Malta qalu li jemmnu li l-ittra probabilment ġiet miktuba minn xi ħadd li kien jew għadu jaħdem f’din il-kumpanija stabbilita’ li isimha ma ssemmiex. Huma komplew li din il-kumpanija issa tniżżlet f’lista ta’ kumpaniji li huma ssuspettati li jużaw software partikolari biex jevadu t-taxxa.