Hemm sodisfazzjoni fl-Arabja Sawdija kif ukoll fost gruppi għad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja għad-deċiżjoni tar-Re Salman bin Abdulaziz Al Saud. Deċiżjoni li biha minn issa ’l quddiem, in-nisa se jkunu jistgħu jsuqu l-karozzi bla xkiel.
L-Arabja Sawdija s’issa kienet l-uniku pajjiż fid-dinja fejn in-nisa ma kellhomx permess isuqu, u tul is-snin, ħafna kienu dawk in-nisa li ssugraw isuqu u spiċċaw il-qorti u xi wħud anki l-ħabs.
Ħafna nisa fl-Arabja Sawdija esprimew il-ferħ tagħhom għal dan il-pass u ddeskrivew id-deċiżjoni bħala waħda storika.
S’issa, l-irġiel biss setgħu jkollhom liċenżja tas-sewqan.
Id-dikriet tar-Re Salman issa se jidħol fis-seħħ fl-24 ta’ Ġunju tas-sena d-dieħla.
In-nisa fl-aħħar jistgħu jsuqu l-karozzi fl-Arabja Sawdija


