Il-Viċi Sindku tal-Belt Valletta, Christian Micallef fil-jiem li għaddew attenda għall-Konferenza Annwali tal-World Tourism Cities Federation (WTCF) li saret f’Los Angeles, l-iStati Uniti. Din kienet it-tielet darba li Micallef irrapreżenta lill-Belt Valletta u lil Malta f’din il-konferenza ta’ livell daqstant għoli u li fiha jattendu Sindki u Viċi Sindki minn bliet elwenin minn madwar id-dinja kollha. Għall-ewwel darba, Micallef saħansitra kellu l-opportunità li jindirzza lil dawk preżenti fejn fid-diskors tiegħu tkellem dwar il-Belt Valletta bħala destinazzjoni turistika u l-ħidma li saret u li qed issir preżentament fil-preparazzjoni għas-sena 2018 fejn il-Belt Valletta se tkun il-Belt Kapitali Ewropea għall-Kultura.
Micallef kellu numru ta’ laqgħat ma’ Sindki u Viċi Sindki oħra minn madwar id-dinja fejn flimkien qasmu l-esperjenzi dwar il-ħidma tagħhom kif ukoll ħataf l-opportunità li jippromovi dak kollu li jagħmel il-Belt Valletta, u allura anke lil Malta, bħala destinazzjoni esklussiva u partikolari għall-barranin.
F’kummenti li ta lil Net News, Micallef esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-fatt li f’Los Angeles sab interess kbir mill-barranin f’Malta u dan jikkonferma kemm għadna għalfejn inkomplu naħdmu fuq it-tisħiħ tal-prodott turistiku Malti. Aktar minn hekk hu saħaq li kull darba li tiltaqa’ ma’ Sindki u Viċi Sindki ta’ bliet oħra minn madwar id-dinja, tikkonferma li bosta problemi huma komuni u permezz ta’ dawn il-konferenzi wieħed jgħin lil xulxin sabiex naqsum l-idejat tagħna kif nistgħu nindirizzaw dawn il-problem fl-aħjar interess tal-lokalità u r-residenti li jgħixu fiha.
Fl-2018 din il-konferenza tal-WTCF se tkun qed tiġi organizzata f’belt fuq il-kosta tal-lvant taċ-Ċina, Qingdao.
//= $special ?>