Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

David Casa jiftaħ konferenza importanti f’Ruma dwar l-Immigrazzjoni

"L-ebda diskussjoni serja dwar l-immigrazzjoni u l-ażil mingħajr distinzjoni bejn dawk li għandhom bżonn protezzjoni umanitarja u dawk li jiġu illegalment għax-xogħol" - Casa

“Filwaqt li rridu nirrispettaw id-drittijiet ta’ kulħadd u nassiguraw li l-familji jibqgħu flimkien, hu mistenni li kull min jidħol fl-Unjoni Ewropea, jirrispetta l-valuri li fuqhom hija mibnija l-Unjoni Ewropea.”

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa qal dan meta fetaħ konferenza importanti f’Ruma dwar l-Immigrazzjoni, bħala parti mill-European Ideas Network.

David Casa kien qed jitkellem dwar numru ta’ suġġetti marbuta mal-immigrazzjoni, fosthom il-wasla ta’ immigranti li m’humiex eliġibbli għall-protezzjoni umanitarja.

Filwaqt li s-solidarjetà għandu jkun il-punt tat-tluq għal kwalunkwe diskussjoni li ssir dwar l-immigrazzjoni, David Casa qal li għandu jkun hemm distinzjoni bejn il-protezzjoni umanitarja li trid tingħata lil dawk li jiġu l-Ewropa biex jaħarbu mill-ġlied, il-gwerer u l-persekuzzjoni; u dawk li jiġu l-Ewropa biex isibu xogħol.

Fl-indirizz tiegħu, Casa rrikonoxxa li fl-2014, kienu biss 36% ta’ dawk li ma kienux eliġibbli għall-protezzjoni li kienu rritornati lura, b’David Casa jinsisti li s-suġġett tal-immigrazzjoni u l-ażil ma jistax ikun diskuss kif suppost qabel ikun hemm distinzjoni ċara bejn dawk li jiġu għall-ażil u dawk li jiġu għax-xogħol.

Dwar l-integrazzjoni, l-MEP qal li din għandha tkun żewġ faċċati tal-istess munita – fejn filwaqt li d-drittijiet ta’ kulħadd ikunu rispettati, fosthom id-dritt li l-familji jibqgħu flimkien, ikun hemm ir-rispett lejn il-valuri li fuqhom hija mibnija l-Unjoni Ewropea.

Dwar is-sigurtà u l-biża fost iċ-ċittadini Ewropej, David Casa qal li t-tneħħija tal-fruntieri bejn il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea għandu jmur id f’id mat-tisħiħ tal-fruntieri esterni. “Li jkollna fruntieri esterni b’saħħithom hija pre-rekwiżita jekk irridu nsalvaw iż-Żona Schengen,” qal David Casa.

Madanakollu, David Casa nsista li r-risposta għall-isfidi demografiċi ma tistax tkun il-populiżmu u l-lemin estrem, sentiment li jidher qed jiżdied fl-Ewropa.

Fl-istess konferenza pparteċipa wkoll l-eks Prim Ministru Malti Lawrence Gonzi u l-eks Kummissarju Ewropew Tonio Borg, fost numru ta’ kelliema distinti oħra.