Internazzjonali

‘Diskors ġdid ta’ Baghdadi’ ċirkolat minn websajt qrib tal-ISIS

Il-moviment tal-ISIS ħareġ dak li qed ifisser bħala audio-recording tal-mexxej suprem terroristiku tal-grupp, Abu Bakr al-Baghdadi.

F’dan ir-rekording, mexxej ‘li leħnu jixbaħ dak ta’ Baghdadi’ jidher li qed jirreferi għall-aħħar theddid mill-Korea ta’ Fuq kontra l-Istati Uniti u l-Ġappun.

Hu jitkellem ukoll dwar battalji għall-fortizzi tal-ISIS bħal Mosul, il-belt ewlenija tal-Iraq, li f’Lulju waqgħet lura f’idejn il-qawwiet tal-Gvern Iraqi.

Baghdadi, li għandu prezz ta’ $25 miljuni fuq rasu, ilu ma jidher fil-pubbliku minn Lulju tal-2014 u ma setgħetx tonqos l-ispekulazzjoni dwaru.

L-aħħar darba li deher Baghdadi kien biex jagħmel diskors fil-Moskea Kbira ta’ al-Nuri, f’Mosul, wara li l-ISIS kien ħataf dik il-belt u proklama ‘kalifat’ fit-territorju.

L-ISIS, intant, ilu jitlef kontroll tal-artijiet fl-Iraq u s-Sirja u l-kelliem fuq l-audio-tape jirreferi fost oħrajn għall-battalji f’Raqqa u Hama (fis-Sirja) kif ukoll għall-ġlied li għaddej f’Sirte, fil-Libja. Id-diskors ikompli li t-tixrid tad-demm ‘mhux se jkun għal xejn’, bil-kelliem jinfexx f’attakk verbali fuq ‘il-Lhud u l-protagonisti tal-Kruċjati’, fost l-insistenza li ‘hu biss l-ISIS li qed jiddefendi lill-Musulmani’.

Id-diskors ta’ 46 minuta kien iċċirkolat minn websajt b’rabtiet mal-ISIS waqt li hu l-ewwel diskors tipiku li nstama’ minn Novembru li għadda.