Pierre Gasly se jieħu post Daniil Kvyat ma’ Toro Rosso mill-Grand Prix ta’ din il-ġimgħa fil-Malasja għal numru ta’ tiġrijiet mhux speċifikat. Gasly hu mistenni li jieħu post Carlos Sainz fi tmiem l-istaġun, wara li tal-aħħar se jingħaqad ma’ Renault.
Għalhekk, Toro Rosso ddeċidew li għat-tiġrijiet li jmiss se jevalwaw lil Gasly.
Minkejja rapporti li qalu li Gasly se jtellaq fil-Malasja u l-Ġappun, it-tim ma kkonfermax kemm il-tiġrijia Kvyat se jagħmel nieqes.
Kvyat sabha diffiċli biex jikseb il-punti minn meta tilef postu mar-Red Bull f’Mejju tas-sena l-oħra, u kiseb biss erba’ punti minn 14-il tiġrija dan l-istaġun. Sieħbu kkontribwixxa fuq 90% tal-punti tat-tim din is-sena.
“Scuderia Toro Rosso nħolqot minn Red Bull biex iddaħħal liż-żgħażagħ fil-Formula 1, u dak li qegħdin nagħmlu biċ-ċans li qed nagħtu lil Pierre.
Hu s-sewwieq li jmiss għal opportunità u wera li jimmeritah wara li rebaħ it-titlu tal-GP2 u din is-sena hu kompetittiv ħafna fis-Super Formula fil-Ġappun,” qal il-kap tat-tim Franz Tost.
Gasly mistenni jirritorna għat-tmiem tas-Super Formula Ġappuniż fit-22 ta’ Ottubru, data li taħbat mal-Grand Prix tal-Istati Uniti f’Austin. Għaldaqstant jidher li Kvyat mistenni jirritorna f’Texas, minkejja li Gasly jista’ jerġa’ jikkompeti mill-Grand Prix tal-Messiku ‘l quddiem.
Kvyat ħabat fl-aħħar Grand Prix ta’ Singapore, f’tiġrija li sieħbu Sainz spiċċa fl-aqwa pożizzjoni personali, fir-raba’ post. L-aħħar darba li r-Russu kiseb il-punti, kien fil-Grand Prix ta’ Spanja f’Mejju.
//= $special ?>