Lokali

FILMAT: Il-Liġi tas-Samaritan it-Tajjeb: l-MUMN tgħid li lesta tkun protagonista

Id-Deputat Claudio Grech f'laqgħa mal-MUMN
Id-Deputat Claudio Grech f'laqgħa mal-MUMN dwar il-liġi preżentata mill-Oppożizzjoni

“L-MUMN lesta li tkun protagonista biex il-Liġi tas-Samaritan it-Tajjeb tgħaddi mill-Parlament malajr kemm jista’ jkun”. Qal dan Colin Galea, is-Segretarju Ġenerali tal-Union Maltija tal-Qwiebel u l-Infermiera, f’laqgħa mad-Deputat Claudio Grech.

Fil-jiem li għaddew, id-Deputat Claudio Grech preżenta Private Member’s Bill biex tingħata protezzjoni bil-liġi lil dawk li jagħtu l-għajnuna lil xi ħadd f’dffikultà.

Il-laqgħa mal-MUMN saret peress li ġieli jkun hemm persuni b’ħiliet fil-qasam tas-saħħa li meta ma jkunux xogħol, jiltaqgħu ma’ persuni f’periklu. Imma minħabba l-biża’ ta’ danni, joqgħodu lura milli jgħinu.

Bil-liġi, hekk imsejħa, tas-Samaritan it-Tajjeb, tingħata protezzjoni minn prosekuzzjoni kriminali jew danni ċivili lil min jagħti l-għajnuna lil xi persuna oħra li tkun f’periklu ċar u imminenti.

“Dejjem kien hemm id-dilemma li xi ħadd jista’ jiftaħlek kawża ċivili jew kriminali. Għalhekk, l-MUMN, tirringrazzja l-ewwel ħaġa lilek talli ħadt din l-inizjattiva,” qal Colin Galea fil-preżenza tad-Deputat Claudio Grech, “u lesta tkun protagonista miegħek biex din id-draft issa sseħħ u tgħaddi mill-Parlament kemm jista’ jkun malajr,” żied jgħ

Apparti ma’ unions fil-qasam tas-saħħa bħall-MUMN, l-Oppożizzjoni se tkun qed tiltaqa’ wkoll ma’ entitajiet oħra li għandhom interess dirett f’din il-liġi, fosthom membri tal-forzi tal-ordni, tal-protezzjoni ċivili u għaqdiet voluntiera li huma involuti fis-salvataġġ u l-ewwel għajnuna.