Futbol Sport

FUTBOL INTERNAZZJONALI – Ġimgħa bogħod minn Malta v Litwanja

Fadal ġimgħa biex it-tim nazzjonali Malti jilgħab l-aħħar logħba tiegħu f’pajjiżna, logħba valida mill-fażi ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja.

It-tim Malti se jkun qed jilgħab f’Ta’ Qali l-Ħamis 5 ta’ Ottubru bl-għan li jikseb l-ewwel punt fi Grupp F. Il-plejers Maltin imbagħad jilgħabu l-aħħar logħba l-Ħadd 8 ta’ Ottubru kontra s-Slovakkja f’Trnava.

It-tim taħt it-tmexxija ta’ Pietro Ghedin kellu prestazzjonijiet pożittivi f’dawn it-tmien logħbiet, iżda ma kienx biżżejjed biex it-tim Malti jikseb il-punti, bl-aħħar logħba f’Ta’ Qali kontra l-Ingilterra tkun prova ta’ dan, hekk kif sa ħames minuti mit-tmiem, l-iskor kien għadu 1-0.

Il-plejers Maltin jafu li din il-logħba hi importanti għaliex hu l-aħjar ċans biex it-tim Malti jikseb xi punti f’din il-fażi ta’ kwalifikazzzjoni. Iżda l-Litwanja mhux se jkollhom biċċa xogħol faċli. Jekk wieħed jieħu l-partita bejn iż-żewġ timijiet fil-Litwanja, kienu żewġ gowls lejn it-tmiem li kkundannaw lit-tim Malti.

Il-Litwanja għandhom ħames punti minn tmien logħbiet, biż-żewġ punti l-oħra jaslu fi draws ta’ 2-2 kontra s-Slovenja u 1-1 kontra l-Iskozja.

Il-biljetti għal din il-logħba huma ta’ €25 fil-West A u C (Enclosure) filwaqt li fil-Millenium Stand D u F, il-prezz hu ta’ €15. Kemm in-North kif ukoll is-South Stand se jkunu magħluqa.

It-tfal taħt it-12-il sena jidħlu b’xejn meta akkumpanjati minn adult li għandu fil-pussess biljett validu għas-South Stand, Millenium D Stand u l-Goal Card. Il-bejgħ tal-biljetti jinsab miftuħ u l-partitarji lokali jistgħu jixtru l-biljetti għal West C u l-Millenium Stand, minħabba li West A se jkun miftuħ għall-partitarji tal-Litwanja.

Il-biljetti jistgħu jinxtraw mill-uffiċini tal-MFA fil-Millenium Stand f’Ta’ Qali, mill-uffiċċju tal-KSU fl-Università ta’ Malta, Lion King Stationery ta’ Gwardamangia, Matric, tal-Belt Valletta, Raħal Ġdid u Skyparks fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, Teamsport tal-Iklin, Star Tourist Services ta’ Buġibba, l-uffiċini tal-GFA fix-Xewkija Għawdex, u minn fuq www.mfa.com.mt. Il-biljetti jistgħu jinxtraw ukoll dakinhar tal-logħba.

Il-pubbliku Malti hu mħeġġeġ biex jagħti s-sapport tiegħu lit-tim Malti.