Lokali Qorti

Id-deċiżjoni dwar jekk l-Imħallef Mizzi għandux jisma’ l-appell tal-inkjesta għat-3 ta’ Ottubru

Id-deċiżjoni tal-Imħallef Antonio Mizzi dwar jekk għandux ikun hu li jisma’ l-appell tal-inkjesta kriminali dwar Keith Schembri u Konrad Mizzi se titħabbar nhar it-Tlieta li ġej, wara li d-deċiżjoni kienet differita għal dakinhar.

Dan hekk kif fil-Qorti komplew il-proceduri tal-appell tal-inkjesta kriminali mitluba mill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil dwar jekk l-iskandlu tal-Panama jammontax għal ħasil ta’ flus minn dawk kollha involuti.

Wara li kien instab li kien hemm biżżejjed evidenza biex issir inkjesta kriminali, kien beda l-proċess ta’ inkjesta Maġisterjali.

Madanakollu, seba’ persuni involuti fil-proċess, fosthom Konrad Mizzi, Keith Schembri, Karl Cini, Brian Tonna u Adrian Hillman, kienu appellaw mid-deċiżjoni li ssir l-inkjesta. Filfatt, bħalissa qed jinstema’ dan l-appell quddiem l-Imħallef Antonio Mizzi.

Madanakollu, fil-ġimgħat li għaddew, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil permezz tal-Avukat Jason Azzopardi talbu r-rikuża tal-Imħallef Antonio Mizzi, jiġifieri biex dan ma jismax il-każ. Dan peress li l-Imħallef Antonio Mizzi jiġi r-raġel tal-MEP Laburista Marlene Mizzi.

Fil-Qorti ntqal li din it-talba mhux qed issir b’xi sinjal ta’ sfiduċja fil-ġudikatura, iżda b’rispett sħiħ lejn il-prinċipju li l-ġustizzja mhux biss trid issir, iżda trid tidher li qed issir.

Il-ġimgħa li għaddiet, l-istess Imħallef kien iddikjara li l-appell għandu jsir fil-miftuħ, għall-iskrutinju tal-pubbliku u l-media.

Għalkemm ma ngħatatx raġuni fil-pubbliku għaliex ingħata dan id-differiment, ta’ min jinnota li kemm l-Imħallef Antonio Mizzi kif ukoll l-Avukat ta’ Simon Busuttil, Jason Azzopardi, huma involuti f’ġuri dwar qtil volontarju li qed jinstema propju f’dawn il-ġranet.