Internazzjonali

IL-KOREA TA’ FUQ: Iċċaqlaq l-ajruplani għal-lest tul il-kosta

Ir-reġim ta’ Pyongyang beda jċaqlaq l-ajruplani militari tul il-kosta fil-Lvant u beda jsaħħaħ id-difiżi wara li sostna li l-Istati Uniti kienet iddikjarat gwerra kontra pajjiżu.

Il-Korea ta’ Fuq kienet heddet li tiftaħ in-nar fuq l-ajruplani militari Amerikani li jkunu qed itiru tul il-kosta Koreana, anki jekk dawn ikunu fi spazju tal-ajru internazzjonali.

Dan hekk kif f’dawn l-aħħar ġimgħat saru diversi titjiriet mill-bombers Amerikani tat-tip B-1B Lancer, wara eskalazzjoni fil-kliem ostili bejn iż-żewġ pajjiżi u s-sitt splużjoni nukleari bi prova mill-Korea ta’ Fuq. Dan apparti l-isparar ta’ missili li għaddew minn fuq it-territorju Ġappuniż.

Din il-ġimgħa, Ri Yong-ho, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Korea ta’ Fuq, stqarr li meta l-President Amerikan Donald Trump kien stqarr li r-reġim tal-Korea ta’ Fuq ma kienx se jibqa’ mas-saqajn għal wisq żmien, din aktar kienet dikjarazzjoni ta’ gwerra. Hu żied li r-reġim ta’ Pyongynag kellu d-dritt li jieħu l-passi li jeħtieġ.

Teknikament, l-Istati Uniti u l-Korea ta’Fuq għadhom fi stat ta’ gwerra wara li l-kunflitt ta’ bejn l-1950-53 intemm b’waqfien mill-ġlied aktar milli bi trattat ta’ paċi.

Sadattant hekk kif il-BBC beda servizz bil-Korean, ir-reġim tal-Korea ta’ Fuq kien irrapportat li kien qed jagħmel minn kollox biex jimblukkah milli jinstema’ fil-Korea ta’ Fuq. Li wieħed jisma’ stazzjonijiet tar-radju barranin hu illegali fil-Korea ta’ Fuq.